Il-Gvern ma stenniex is-sentenza tal-appell biex jieħu kontroll tal-isptarijiet

PR231653

23/10/2023

Stqarrija mill-Gvern ta’ Malta

Il-Gvern Malti jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Appell wara appelli mressqa minn Steward Healthcare fil-kawża tal-konċessjoni dwar l-isptarijiet.

Il-Gvern ma qagħadx jistenna din is-sentenza biex jieħu lura l-kontroll u l-operat tal-isptarijiet hekk kif fil-21 ta’ ta’ Marzu informa lil Steward li kien qed jagħmel ‘controlled step-in’ u mill-4 ta’ April ħa f’idejh l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech, u l-Isptar San Luqa.

Il-Gvern kien għamilha ċara li l-controlled step-in u t-terminazzjoni  jsiru bil-kundizzjonijiet elenkati mill-Gvern, u l-Gvern issa għalhekk ilu għal diversi xhur li ħa kontroll ta’ dawn l-isptarijiet u beda jieħu u jimplimenta numru ta’ inizjattivi. 

Fl-aħħar xhur inbeda wkoll arbitraġġ internazzjonali quddiem l-International Chamber of Commerce u fl-14 ta’ April il-Gvern rebaħ l-ewwel stadju tal-proċeduri. F’kull proċedura l-Gvern se jibqa’ jħares l-interess nazzjonali minn kull aspett, inkluż dak finanzjarju.  

Il-Gvern jinnota li s-sentenza ta’ dalgħodu ngħatat biss ftit xhur wara li l-Gvern ressaq rikors quddiem il-Qorti biex l-appell jinstema’ b’urġenza fl-interess pubbliku u fl-interess nazzjonali. 

Fil-fatt, filwaqt li l-Gvern ta’ Malta m’appellax mis-sentenza ta’ nhar l-24 ta’ Frar 2023, mogħtija mill-Imħallef Francesco Depasquale fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, wieġeb għar-rikorsi tas-soċjetajiet Steward, fejn b’kollox tressqu għaxar atti ġudizzjarji kontra t-talbiet li kienet qed tagħmel Steward.

Hekk kif il-Gvern ma qagħadx jistenna din is-sentenza biex jieħu lura l-kontroll tal-isptarijiet, se jibqa’ jimplimenta viżjoni politika b’saħħitha fis-settur tas-saħħa li tiffoka dwar il-ħtiġijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

FacebookTwitter
Skip to content