Viżjoni ekonomika li tiġbed lejn Malta investiment ta’ kwalità u valur miżjud – il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza konferenza ta’ Ernst & Young

PR231672

25/10/2023

Malta se jkollha Budget msejjes fuq ħames prinċipji li jkomplu jsostnu anki l-investiment kapitali li fl-aħħar Budget laħħaq il-biljun ewro. F’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fil-konferenza organizzata minn Ernst & Young, li ġġib flimkien fost oħrajn numru ta’ kapijiet eżekuttivi ta’ kumpaniji u investituri barranin f’pajjiżna, spjega l-viżjoni ekonomika tal-Gvern għas-snin li ġejjin.

Il-Prim Ministru Abela spjega li l-Budget 2024 se jkun mibni fuq l-impenn li jibqa’ jappoġġja u jipproteġi lin-nies u lin-negozji bi stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija f’kuntest fejn l-kundizzjonijiet internazzjonali għadhom jippossjedu sfida. Dan flimkien ma’ miżuri soċjali li jibqgħu jgħinu lil min jiflaħ l-inqas. “Il-qagħda fiskali ta’ pajjiżna se nibqgħu nieħdu ħsiebha bi tnaqqis fid-defiċit u kontroll tad-dejn imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross”, irrimarka l-Prim Ministru hu u jitkellem fuq ir-raba’ għan, dak ta’ tisħiħ fl-investiment kemm fil-ħiliet u favur il-ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità flimkien ma’ tkabbir sostenibbli tal-ekonomija. Il-Prim Ministru qal li dan kollu jorbot mal-impenn ta’ gvern li jrid jibqa’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull ċittadin.

Waqt li tkellem dwar viżjoni ekonomika ta’ fejn irridu nieħu lill-pajjiż għas-snin li ġejjin, il-Prim Ministru semma l-qalbiet ambjentali u diġitali f’ekonomija b’operat carbon neutral. Il-Prim Ministru qal li jħares ‘il quddiem lejn proġetti kbar ta’ enerġija nadifa fosthom fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ Malta. “Proġetti multimiljunarji bħal dak tal-Waste-to-energy, li se jara l-iskart isir riżorsa u faċilitajiet edukattivi ġodda huma parti mill-investimenti li qed naraw f’ekonomija li hi vibranti u kapaċi tadatta għall-prijoritajiet il-ġodda li għandu l-pajjiż”, innota l-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru qal li pajjiżna qed iħares li jieħu triq ekonomika li biha jiġbed lejh investiment ibbażat fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. “Dawn huma investiment b’valur miżjud fl-ekonomija tagħna li joħolqu impjiegi ta’ kwalità u bi dħul aħjar”, sostna l-Prim Ministru hu u jinnota punti saljenti li ħarġu mill-istħarriġ li sar minn Ernst & Young, fosthom li l-maġġoranza assoluta tal-intrapriżi jaraw il-futur tagħhom f’Malta filwaqt li bosta jaraw lil pajjiżna iżjed attraenti għall-investiment minn pajjiżi oħra Ewropej. Il-Prim Ministru qal ukoll li l-komunità kummerċjali tistenna lil pajjiżna jkompli jinvesti fl-infrastruttura filwaqt li rrimarka kif l-investitur f’Malta qed iħares li jkompli jinvesti fit-taħriġ u fil-ħiliet tal-ħaddiema, punt importanti u konformi mal-viżjoni tal-Gvern.

Il-Prim Ministru Abela nnota li l-istħarriġ tal-EY jikkonferma li s-sistema tat-tassazzjoni ta’ pajjiżna hi fattur b’saħħtu li jiġbed lill-investituri lejn Malta u ta s-serħan il-moħħ li f’dan ir-rigward Malta se jibqa’ jkollha ambjent attraenti jekk mhux iżjed. “Irridu nassiguraw li s-sistema tat-tassazzjoni tagħna tkun iżjed effettiva u tipprovdi inċentivi mmirati lejn iktar investiment”, saħaq il-Prim Ministru hu u jirrimarka li dawn l-inċentivi għandhom ikunu għal kulħadd. Dr Abela temm l-indirizz tiegħu jħares ‘il quddiem lejn futur li jkompli jġib bidliet li jlesti lil Malta għal għada u pajjiż li jibni fuq suċċessi li kiseb fl-aħħar snin minkejja sfidi bla preċedent.

FacebookTwitter
Skip to content