Month: November 2023

PR231834

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura investiment multi-miljunarju fil-qasam tal-ospitalità f’Tas-Sliema. Fil-lukanda l-ġdida ta’ ħames stilel Barceló Fortina Malta, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-investiment massiċċ mill-privat u fissru bħala ieħor li jagħti valur miżjud għall-prodott turistiku ta’ pajjiżna. “Huwa kruċjali li mmorru għall-qabża li jmiss billi nkomplu ntejbu l-kwalità tal-prodott turistiku li joffri pajjiżna”, saħaq il-Prim Ministru hu u jitkellem dwar prijoritajiet importanti għas-settur turistiku fosthom l-konnettività, l-indafa u s-sostenibbiltà ambjentali li tkompli turi s-sbuħija ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li direzzjoni importanti li qed jieħu pajjiżna hi marbuta mal-enfasi fuq il-kwalità fis-settur turistiku fi żmien meta din is-sena għandha turi kif in-nefqa tat-turist f’pajjiżna tiżboq dik ta’ qabel il-pandemija. Dr Abela tenna li l-għajnuna li biha l-Gvern iwieżen lin-negozji, fosthom dawk fil-qasam tal-ospitalità bl-appoġġ strateġiku fil-qasam tal-enerġija, se tibqa’ biex b’hekk dawn jibqa’ jkollhom is-serħan il-moħħ.

Semma wkoll kif l-aħħar rapport tal-aġenzija ta’ kreditu Moody’s innota anki l-irkupru qawwi fit-turiżmu u kif pajjiżna qed ikompli jiddiversifika l-prodott turistiku tiegħu favur is-sostenibbiltà tas-settur u b’investiment f’niċeċ turistiċi ġodda. Hawn il-Prim Ministru nnota kif l-investiment privat f’Tas-Sliema ħadem f’din id-direzzjoni. Waqt l-inawgurazzjoni tal-investiment ta’ rinovar qawwi f’lukanda ġdida, il-Prim Ministru ddawwar madwar il-proġett li jkompli joffri servizzi u esperjenza ta’ kwalità għat-turisti li jiġu f’pajjiżna.​

PR231830

Inbeda proċess biex jiġu individwati artijiet tal-Gvern li jistgħu jiġu żviluppati bil-bini u minflok jinbidlu fi spazji miftuħa. Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela b’diskors fil-Parlament waqt id-diskussjoni tal-estimi finanzjarji għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’rabta mal-Budget li ippreżenta l-Gvern. 

Dr Abela spjega li dawn l-artijiet li jistgħu jinbnew għandhom valur mhux żgħir iżda l-Gvern jagħraf li jkunu spazji ħodor fl-urban. “Kmieni s-sena d-dieħla niffinalizzaw l-ewwel parti ta’ dan il-proċess biex dawn l-artijiet jiżdiedu mal-proġetti ta’ tħaddir li diġà qed issir ħidma fuqhom,” spjega l-Prim Ministru Abela hu u jisħaq li dan isir b’ħidma realistika fejn hu possibbli li dan iseħħ. 

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ukoll li mis-sena d-dieħla tibda taħdem sistema tal-Gvern paperless u għalhekk se jinqalbu s-sistemi minn dawk tradizzjonali ta’ filing manwali. Dan b’sistema msejħa Corporate Electronic Document bħala parti mal-istrateġija fis-Servizz Pubbliku dwar id-diġitalizzazzjoni. Bħalissa fil-fatt qed jiġi evalwat kuntratt biex mis-sena d-dieħla tidħol fis-seħħ sistema ċentralizzata mill-MITA b’investiment ta’ miljuni ta’ ewro fejn l-ewwel li se jibda f’din is-sistema huwa l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet fi ħdanu. “Fil-qasam tal-eGovernment, Malta għandha l-kredibbiltà għax żammet postha fil-quċċata f’indiċi tal-Unjoni Ewropea iżda li jgħodd huwa l-konsistenza li tiġi frott investiment u immodernizzar kontinwu tal-infrastruttura diġitali li taqdi l-ħtiġijiet taċ-ċittadini”, qal il-Prim Ministru Abela.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar it-twettiq tal-programm ta’ ħidma tal-Gvern ‘Malta Flimkien’ fejn aċċenna fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Budget. Semma wkoll bidliet li jkomplu jsaħħu lil Malta fosthom dik imħabbra għar-regolar għall-ewwel darba tal-aġenziji tax-xogħol. Dan bi prinċipju wieħed u ċar, li jissaħħaħ l-kontroll tal-Awtoritajiet Maltin. Il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif il-Budget imħabbar għas-sena d-dieħla se jibqa’ wieħed iffukat fuq għajnuna lill-familji u n-negozji flok il-politika tal-awsterità li ħaddnet amministrazzjoni preċedenti. Saħaq li dan għaliex il-Gvern jemmen li bil-Budget se jkompli joħloq Malta Ġusta.

PR231796

Matul il-jum tal-Ħamis, fil-Kroazja,  il-Prim Ministru Robert Abela, fuq stedina tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, attenda għal-laqgħa flimkien ma’ Mexxejja Ewropej, bi tħejjija għall-Aġenda Strateġika l-ġdida tal-Unjoni Ewropea li se tkopri s-snin 2024-2029.

Waqt il-laqgħa, l-Prim Ministru Robert Abela semma wħud mill-prijoritajiet għas-snin li ġejjin li huma ta’ importanza għal pajjiżna, li għandhom jiġu kkunsidrati fl-istrateġija l-ġdida. Fosthom semma s-Suq Uniku, l-aċċess għall-mediċini, il-konnettività u l-Mediterran.

Il-Prim Ministru tenna li fir-rigward tas-Suq Uniku għad hemm ċirkostanzi fejn ċerti pajjiżi bħal Malta jibqgħu żvantaġġjati, fosthom fejn jidħol l-aċċess għall-mediċini u l-konnettività. Saħaq li qabel tiġi introdotta leġislazzjoni f’dan ir-rigward, għandhom isiru impact assessments li jieħdu inkunsiderazzjoni r-realtajiet tal-Istati Membri kollha, inkluż ta’ Malta.

Dr Abela saħaq li għalkemm pajjiżna qed ikompli jġib mediċini ta’ kwalità bi prezz affordabbli, l-Unjoni Ewropea għandha tindirizza l-isfida tal-aċċess għall-mediċini sabiex tassew ikollna Suq Uniku għall-Farmaċewtika.

Il-Prim Ministru semma wkoll li Malta tiddependi fuq it-trasport marittimu u l-avjazzjoni bħala konnettività mal-bqija tal-Ewropa. Enfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tara x’azzjonijiet qed jieħdu l-Viċinat tan-Nofsinhar fir-rigward ta’ setturi li huma kruċjali għall-konnettività tagħna, sabiex flimkien inkomplu nikkumbattu t-tibdil fil-klima.

Dwar ir-reġjun tal-Mediterran, il-Prim Ministru saħaq li dan ir-reġjun għandu ħafna potenzjal u għandu jingħata l-importanza li jistħoqqlu. Għaldaqstant issuġġerixxa li għandu jkun hemm Kummissarju Ewropew għall-Mediterran.   

Dr Abela temm billi awgura li l-konklużjonijiet minn din il-laqgħa jwasslu biex titħejja direzzjoni strateġika li tkun msejsa fuq ir-realtà, li tkun ambizzjuża u li tipprovdi ċarezza liċ-ċittadini, fl-isfond tal-ħafna sfidi multidimensjonali li qed nesperjenzaw.

Waqt il-laqgħa, il-Mexxejja Ewropej tkellmu wkoll fuq sitwazzjonijiet kurrenti, fosthom il-kunflitt tal-Lvant Nofsani. Issemma kif fil-ġranet li għaddew fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għaddiet riżoluzzjoni mfassla minn Malta li se twassal għal iżjed għajnuna umanitarja f’Gaża. Il-Prim Ministru Abela saħaq li Malta se tibqa’ twassal vuċi b’saħħitha favur il-paċi.

Fil-Kroazja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru Kroat Andrej Plenković, fejn komplew jibnu fuq id-diskussjoni tal-laqgħa bilaterali li kellhom f’Malta, f’Settembru li għadha.​​

PR231789

  • Il-Prim Ministru Robert Abela jżur SiGMA

Il-Prim Ministru Robert Abela żar is-summit SiGMA, li attira taħt saqaf wieħed aktar minn 25,000 delegat u 1,000 eżebitur minn pajjiżi differenti f’Malta. B’din hija waħda mill-akbar fieri tal-igaming minn madwar id-dinja.

Fi żjara li għamel fil-Malta Maritime Hub, il-Marsa, il-Prim Ministru nnota li ta’ kull sena din il-fiera qed turi kif pajjiżna huwa ċentru ta’ eċċellenza għad-dinja tal-igaming. Fil-fatt, il-Prim Ministru spjega li Malta hija l-għażla ta’ 351 kumpanija tal-gaming, li jfissru madwar 16,000 karriera f’dan is-settur. Bl-eko-sistema, it-talent u l-governanza tajba li qegħdin noffru, qegħdin nattiraw negozji globali u start-ups li jissarfu f’impjiegi ta’ kwalità. Dan filwaqt li l-industrija tal-gaming qegħda tkompli ukoll tikkontribwixxi fit-tkabbir ekonomiku, bil-valur miżjud tas-settur laħħaq id-9.2% tal-valur miżjud totali f’pajjiżna fl-2022. Jekk wiehed jinkludi l-effett indirett ta’ din l-industrija, il-kontribut ekonomiku ta’ dan is-settur jitla’ sa 12.4% tat-total tal-valur miżjud fl-2022.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li huwa dan li nkunu qegħdin infissru meta ngħidu li rridu nkomplu nsaħħu l-ekonomija Maltija biex igawdu l-familji Għawdxin u Maltin. B’dan is-settur jirrifletti l-politika mħaddma mill-Gvern li tattira l-investiment li joffri karrieri ta’ kwalità u jsaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna li biha nsostnu l-familji u n-negozji.

Huwa kkonkluda li kif imħabbar fil-budget għas-sena d-dieħla dan il-Gvern se jkompli jinvesti f’dan is-settur fosthom bl-implimentazzjoni tal-istrateġija Nazzjonali tal-esports u inizjattivi diversi biex l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-iżvilupp tal-logħob diġitali jkompli jissaħħaħ. Ser nibqgħu nsostnu wkoll l-istart-ups fosthom bis-Seed Investment Scheme li ser toffri inċentivi fil-forma ta’ krediti ta’ taxxa. Dan filwaqt li qegħdin ninvestu fit-talenti taż-żgħażagħ tagħna b’żieda sostanzjali fl-istipendji f’korsijiet partikolari biex nindirizzaw il-bżonn ta’ iktar nies imħarrġa f’setturi kruċjali bħal dawn għat-tranżizzjoni ekonomika ta’ pajjiżna.​​

PR231777

Din is-sena l-istudenti fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex huma mistiedna jiddisinjaw kartolina tal-Milied b’messaġġ biex imbagħad jintgħażlu l-kartolini uffiċjali li se jkun qed jibgħat l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħala awguri għall-festi.​

Dr Lydia Abela, li ħabbret din l-inizjattiva fost l-iskejjel, ħeġġet lit-tfal bejn l-erba’ snin u t-tnax-il sena biex jipparteċipaw. “Kartolina b’messaġġ hija rigal mill-isbaħ”, sostniet Dr Abela hi u tirrimarka li t-tfal qed jerġgħu jiġu fdati biex ikunu l-artisti tal-kartolini maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. “Irridu ninvolvu kemm jista’ jkun tfal f’dan il-ġest tant sabiħ li jġib il-ferħ”, sostniet mart il-Prim Ministru.

Kull skola parteċipi se tkun qed tagħżel hi żewġ kartolini b’disinn u messaġġ minn kategoriji ta’ etajiet differenti, imbagħad bord tal-għażla mmexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti se jagħżel il-kartolini uffiċjali għal dan il-Milied minn fost is-sottomissjonijiet mill-iskejjel. Għar-rebbieħa hemm premjijiet bħal riżorsi għall-arti, biljetti għall-festival ta’ Żigużajg u l-istaġun 2023/2024 ta’ Spazju Kreattiv.

Is-sottomissjonijiet tal-kartolini quddiem il-Kunsill Malti għall-Arti mbagħad se jiġu esebiti fi Spazju Kreattiv. Is-sottomissjonijiet mill-iskejjel iridu jintbagħtu għand il-Kunsill Malti għall-Arti sal-1 ta’ Diċembru u skont kriterji mibgħuta lill-iskejjel.