Il-familja fid-diversi forom tagħha u sitwazzjonijiet tal-ħajja li tkun qed tgħix fihom tibqa’ fiċ-ċentru ta’ ħidmietna biex Malta tkun ġusta magħha. Dan kien messaġġ li wassal il-Prim Ministru meta ltaqa’ mal-familja Formosa fir-residenza tagħha f’Birżebbuġa.
Familja li hija xhieda ta’ kif il-politika tal-Gvern qed tkun imfassla min-nies, hekk kif kienet proprju hi li ssuġġeriet il-kunċett ta’ Carer’s Grant, hekk kif wieħed minn tlett ulied għandu diżabilità severa. B’dan il-grant qed jissarraf f’sostenn lil ġenituri li jkunu kostretti jieqfu jaħdmu biex jieħdu ħsieb lil uliedhom b’diżabilità, li għandhom ‘il fuq minn 16-il sena.
Fil-Budget li ħabbar il-Gvern għas-sena d-dieħla din il-miżura se tissaħħaħ, bl-għotja issa se tiżdied b’€487 u għalhekk titla’ għal kważi €5,000 fis-sena. Dan wara li minn din is-sena bdiet titħallas daqs nofs il-paga minima.
“Konna ilna s-snin nissuġġerixxu din l-għajnuna għal familji bħalna, illum għandi l-ibni adult imma grati li ngħatajna widen,” saħqet il-familja Formosa hi u tirrimarka li miżuri oħra wkoll se jolqtuha b’mod pożittiv għaliex wild żagħżugħ ieħor fil-familja qed jistudja fl-MCAST u l-familja se tgawdi mill-għotja ta’ €1,500 fuq medda ta’ tliet snin għal ġenituri ta’ tfal li jibqgħu jistudjaw full-time wara l-edukazzjoni obbligatorja.
Akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-qasam tad-diżabilità jibqa’ parti integrali fil-politika soċjali tal-Gvern li jwieżen u jgħin lil kulħadd, iżda l-aktar lil min jeħtieġ spalla.
Ġie nnutat ukoll kif il-Budget 2024 saħħaħ miżura li tgħin il-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità billi żied il-kreditu tat-taxxa fuq terapija ta’ wlied b’diżabilità bi €300, biex issa se jitla’ għal €500. L-inklużjoni tibqa’ punt importanti f’dan il-qasam fejn il-Gvern żied l-allokazzjoni għall-iskema ta’ assistenti personali lill-persuni b’diżabilità, b’miljun ewro, biex issa l-investiment se jiżdied għal €5.2 miljun.
F’diskussjoni mal-familja, il-Prim Ministru rrimarka li t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji jibqa’ l-għan ewlieni tal-Gvern, filwaqt li aċċenna li l-Budget soċjali li jaħseb ukoll għall-futur ta’ dan il-pajjiż huwa parti mill-programm ta’ ħidma tal-Gvern ‘Malta Flimkien’ u fisser kif ix-xhur li ġejjin se jkunu importanti biex il-miżuri jkunu implimentati biex bihom igawdu l-familji u Malta tkun ġusta ma’ kulħadd.
Recent Comments