Insellmilkom.
Illum kellna konferma oħra tal-impenn ta’ din l-amministrazzjoni li tkompli timmodernizza lil dan il-pajjiż, mhux l-anqas fil-qasam tal-governanza tajba kif ukoll fil-ħidma tal-istituzzjonijiet.
Konferma oħra ta’ gvern riformista, impenjat li jwettaq dak li jwiegħed.
Sodisfatt, li kif tħabbar uffiċjalment ftit tal-ħin ilu mill-President tal-FATF Dr Marcus Pleyer, fil-plenarja li nżammet din il-ġimgħa ġie deċiż li Malta għandha titneħħa minn fuq il-greylist.
Id-deċiżjoni tal-FATF tgħid li pajjiżna wettaq il-pjan ta’ azzjoni li kien maqbul f’Ġunju tal-2021, u dan ġie implimentat fi tnax-il xahar biss. Din hija l-ikbar xhieda ta’ kif ir-riformi f’dan is-settur kienu diġà bdew, u sar hekk għaliex tassew nemmnu fihom. Dan il-proċess kien sfida li llum irnexxielna ndawruha fi prova oħra ta’ kemm pajjiżna huwa ġuriżdizzjoni serja. Infurmat illi waqt il-proċess tal-plenarja li nżamm din il-ġimgħa, il-każ ta’ Malta kien deskritt bħala ‘a success story’.
Is-sena li għaddiet il-FATF kienet identifikat żewġ areas prinċipali għal dan il-pjan ta’ azzjoni. Wieħed minnhom kien marbut mal-mod kif nikkontrollaw u nikkumbattu l-evażjoni tat-taxxa u s-settur l-ieħor kien il-ħtieġa ta’ aktar trasparenza b’rabta ma’ entitajiet legali u tagħrif dwar il-beneficial owners ta’ kumpaniji.
Dakinhar, sena ilu, għidt li konna impenjati b’serjetà li nwettqu dawn ir-riformi u li iktar minn hekk konna deħlin f’perjodu li ried juri li r-riformi li għamilna minn Jannar tal-2020 ’il quddiem kienu effettivi, iżda kienu wkoll sostenibbli. Fuq kollox, dawn ir-riformi wasslu għal bidla kulturali ta’ pajjiż li kien determinat li jilħaq standards ġodda.
Hemm min qal li ma missna qatt kellna rapport negattiv tal-Moneyval u s-sussegwenti tqegħid ta’ pajjiżna ġewwa l-greylist. Jien wieħed minn dawk illi nemmen hekk ukoll.
Kien għalhekk li meta ngħatajt il-fiduċja bħala Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż, f’Jannar tal-2020, u sibt rapporti sussegwenti tal-Moneyval li kienu negattivi, hemmhekk tajt direzzjoni ċara li dawn ir-rapporti kellhom ikunu indirizzati. Ċertament li tajt direzzjoni differenti minn dik li jien mgħarraf li kienet tingħata, saħansitra sa minn qabel l-2013, illi dawn ir-rapporti kienu jinxteħtu fuq l-ixkaffa għaliex it-theddida li nispiċċaw fil-greylist kienet waħda li ma timmaterjalizza qatt. Jien qatt m’emmint hekk.
Għalhekk għamilna dawn ir-riformi, mhux għax qalilna xi ħadd hekk minn barra, imma għaliex konna konvinti mill-ħtieġa tagħhom, anka bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea. Konna konvinti wkoll mill-ħtieġa ta’ dawn ir-riformi għaliex nafu x’pajjiż irridu nħallu lil uliedna. X’legat irridu nħallu lil uliedna. Fil-fatt, dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu mhux biss indirizzati imma kienu indirizzati fi żmien rekord.
B’hekk, il-proċess li għaddejna mal-FATF kien l-aħħar parti ta’ dan il-proċess li llum jagħtina konferma ta’ kemm għandna ġuriżdizzjoni serja. Ġuriżdizzjoni b’saħħitha li mhux biss wettqet ir-riformi, iżda li se tibqa’ tkun attraenti għall-investituri kollha.
Bħala Prim Ministru wegħedt li rrid nara lil pajjiżna jikber u jwettaq ir-riformi. Fl-aħħar 30 xahar implimentajna bidliet bla preċedent li se nkomplu nibnu fuqhom. Se nkomplu r-riformi b’mod sostenibbli.
Għamilna u se nibqgħu nagħmlu sforzi sinjifikanti sabiex indaħħlu kultura ta’ impenn u aktar għarfien, sabiex niġġieldu, b’mod partikolari, kontra l-kriminalità ta’ ċertu portata, kontra l-kriminalità organizzata, u se nkunu qed nibqgħu naċċennaw ukoll fuq dawk il-forom ta’ kriminalità li l-aktar jikkonċernaw lill-FATF kif ukoll lil Moneyval, jiġifieri l-kwistjoni tal-ħasil ta’ flus u tal-finanzjament għat-terroriżmu.
Filwaqt li tajna direzzjoni politika ċara, l-bidliet li saru fl-aħħar snin ma kinux ikunu possibbli mingħajr il-ħidma dedikata ta’ ħafna istituzzjonijiet ġewwa pajjiżna.
Ħa nibda b’ringrazzjamenti hawnhekk. Lill-FIAU, immexxija mis-Sur Kenneth Farrugia, lill-Korp tal-Pulizija, immexxi mill-Kummissarju Angelo Gafa bl-assistenza tad-Deputat Kummissarju Alexandra Mamo, lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mmexxi minn Dr Victoria Buttigieg, lill-Malta Business Registry, fuq quddiemnett il-Kap Eżekuttiv Gerladine Spiteri Lucas, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni, llum immexxi mis-Sur Joe Caruana, kif ukoll lill-MGA, immexxija minn Karl Brincat. Naturalment meta qed nirringrazzja lill-Kapijiet ta’ dawn l-Entitajiet, qiegħed nirringrazzja wkoll lit-teams kollha tagħhom, li ħadmu bla waqfien biex seta’ kellna r-riżultat illi ġie mħabbar illum.
Ħa nkun ċar ħafna fuq dan il-punt. Għandi fiduċja sħiħa fihom u sens ta’ rikonoxximent lejn il-ħafna ħidma li huma wettqu.
Din kienet ħidma konġunta bejn l-awtoritajiet rispettivi, fejn kull waħda minnhom implimentat il-pjani komprensivi tagħha u għamlu ċert li jkun hemm approċċ li kien wieħed koerenti, koordinat u effettiv matul il-proċess kollu.
Dan kien kruċjali ferm għalina sabiex naslu għall-għanijiet tagħna u min-naħa tagħna għamilna wkoll l-mira lilna nfusna illi naslu għal dawk l-għanijiet li kienu maqbula fil-pjan ta’ azzjoni, fl-iqsar żmien possibbli.
Komplejna ninvestu fl-awtoritajiet tagħna għaliex emminna fihom u afdajniehom u se nkomplu nafdawhom sabiex ikomplu fil-ħidma importanti li qed iwettqu.
Is-serħan il-moħħ tiegħi u l-fiduċja f’dawn l-awtoritajiet jiġu mill-mod kif narahom jaħdmu, ħafna drabi fis-skiet. Dan is-sens ta’ fiduċja fihom jiġi ukoll minn dak li nisma’ dwarhom anke f’laqgħat li jkolli ma’ msieħba internazzjonali, li ma kienux f’okkażjoni waħda jew tnejn illi faħħruhom pubblikament, anke tal-mod preparat illi jindirizzaw is-suġġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Ir-riżultat tal-lum huwa konferma oħra tal-ħila, l-integrità, kif ukoll is-serjetà tagħhom.
Nixtieq nirringrazzja minn hawnhekk ukoll lill-Kumitat ta’ Kordinament Nazzjonali biex jiġi Miġġieled Il-Ħasil ta’ Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi. Kumitat li bit-tmexxija tas-Sur Alfred Camilleri kkordina b’suċċess dan l-isforz nazzjonali.
Ħajr ukoll lill-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tiegħi Glenn Micallef, għall-mod abbli u metikoluż ħafna kif segwa u kkordina dan il-proċess mid-diversi aspetti tiegħu, kif ukoll lit-tim legali tal-OPM għall-assistenza tagħhom, partikolarment fl-aspett li kien jikkonċerna l-abbozzar tad-diversi liġijiet illi riedu jsiru biex nindirizzaw il-pjan ta’ azzjoni.
Kien proċess fejn matulu żammejna djalogu kontinwu ma’ pajjiżi oħra. Illum, wara li għaddejnieh, aħna mhux biss impenjati li nkomplu bil-ħidma tagħna f’dawn l-oqsma, iżda nistgħu naqsmu ukoll l-għarfien tekniku illi ksibna mal-counterparts barranin. Xi ħaġa li anke esprimew l-esperti internazzjonali li tkellimna magħhom tul dan il-proċess.
Fuq kollox, nemmen li r-riżultat tal-lum huwa xhieda oħra ta’ meta naħdmu bħala tim Malta – nistgħu niksbu riżultati li huma importanti anke fil-fora internazzjonali.
U hawn l-ispirtu ta’ tim Malta, jiġifieri spirtu ta’ tim kumpatt, magħqud, ħaddimnih bis-saħħa.
Kien għalhekk li tul il-proċess żammejna diskussjonijiet regolari ma’ rappreżentanti mill-industriji. Fosthom rappreżentanti mis-settur tal-gaming, tas-servizzi finanzjarji, l-professjoni notarili, mill-Malta Bankers’ Association, l-Institute of Financial Services Practitioners, il-Malta Institute of Taxation u l-Malta Institute of Accountants. Il-Kamra tal-Kummerċ u msieħba soċjali oħra fl-MCESD kienu ukoll infurmati jew involuti b’dak li konna qed naħdmu fuqu, u sibna koperazzjoni u kordinazzjoni sħiħa min-naħa tagħhom.
Dan kollu għamilnieh f’mument fejn pajjiżna kien qed jiffaċċja pandemija u eventwalment bdiet il-Gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, u ċertament li dan ma kienx sfond faċli illi wieħed jaħdem fih.
Iżda bqajna għaddejjin bil-bidliet. Filwaqt li kkonċentrajna sew fuq il-bidliet fil-qasam tal-governanza tajba u l-bidliet li kien jirrikjedi r-rapport Moneyval, kif ukoll il-bidliet li kien jirrikjedi l-action plan, fl-istess waqt ma naqqasniex l-enfasi tal-ħidma fuq setturi li huma importanti ħafna għall-pajjiż. Insemmi hawnhekk ir-riformi li għamilna fil-qasam soċjali, il-ħolqien tax-xogħol, kif ukoll il-miżuri illi tajna u ser nibqgħu nagħtu biex nilqgħu għall-fenominu tal-inflazzjoni fil-kuntest tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja.
Fl-istess ħin, komplejna niksbu iktar riżultati. Riżultati li ksibniehom għaliex fl-ebda ħin qatt ma qtajna l-fiduċja f’pajjiżna. Dan pajjiż illi konvint li għandu futur sabiħ, illum aktar minn qatt qabel. Dan pajjiż fejn tista’ taħdem, fejn tista’ tinvesti u fejn se tibqa’ ssib ħafna appoġġ sabiex tkun tista’ taħdem u tinvesti. Kif dejjem għidt, l-emfasi kienet fuq sistemi robusti li jirressistu u jiġġieldu l-kriminalità. Ebda witch hunt fuq negozji leġittimi, kif kien hawn min prova jagħti x’jifhem.
Għax żammejna l-fiduċja bqajna nikbru u qed nirkupraw b’saħħa mill-effetti tal-pandemija. Aġenziji tal-Kreditu, waħda wara l-oħra, komplew ipoġġu lill-pajjiżna b’rating A. It-tbassir ekonomiku għal li ġej baqa’ wieħed b’saħħtu u rajna kif is-sena li għaddiet it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna laħaq l-għaxra fil-mija, filwaqt fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kważi tmienja fil-mija.
Mhux talli t-tkabbir ekonomiku baqa’ jissaħħaħ, iżda rnexxielna nilħqu livelli bla preċedent ta’ impjiegi inklużi fis-servizzi finanzjarji u s-setturi tal-gaming. Preżentament, in-numru ta’ impjegati fis-settur finanzjarju huwa ta’ 5% aktar minn meta ġie maqbul il-pjan ta’ azzjoni. Fl-industrija tal-gaming in-numru ta’ impjegati huwa 4% aktar min-numru ta’ impjegati f’Ġunju tal-2021.
Barra minn hekk, il-valur miżjud fis-qasam tas-servizzi finanzjarji fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kien l-ogħla wieħed li qatt ġie rreġistrat – 4% aktar milli kien is-sena li għaddiet. Is-settur tal-gaming ukoll jinsab fl-ogħla livell – dak ta’ 9% aktar mis-sena li għaddiet.
Imma issa rridu nħarsu ’l quddiem.
L-għan tagħna huwa li nassiguraw s-sostenibbiltà tal-miżuri illi implimentajna. Qatt iktar pajjiżna m’għandu jerġa jispiċċa f’lista bħal din.
Fuq kollox se naraw li fiż-żmien li ġej noħolqu aktar opportunitajiet biex il-privat jinvesti, anke b’sinerġiji mal-gvern, u jinvesti flusu ħalli joħloq investiment u xogħol ta’ kwalità.
Il-mandat ġdid u b’saħħtu li ngħatajna mill-elettorat f’Marzu li għadda, imliena b’aktar ħeġġa u b’iktar determinazzjoni biex inkomplu mmexxu `l quddiem lil dan il-pajjiż.
Hemm fejn bdejna naslu u allura rridu nsostnu dak li ksibna.
Iżda hemm oqsma fejn irridu naħdmu iżjed biex naslu u se nkunu qed naħdmu iżjed sabiex naslu f’dawn l-oqsma.
Sabiex fl-aħħar mill-aħħar ikollna pajjiż aħjar. Dak il-pajjiż li verament jixraq lil uliedna u lilna.
Message in English
The good news of today confirms that Malta is a serious and reputable jurisdiction.
We worked indeed hard and tirelessly to address the recommended actions indicated to us by FATF, which had also been agreed upon on a political level in June 2021, and I am pleased that we succeeded in doing so in such a brief span of time.
Reforms to strengthen the effectiveness of our anti-money laundering and counter-terrorism financing framework were implemented in a brief time… whilst deficiencies related to Ultimate Beneficial Ownership and tax related shortcomings were also addressed.
And for this, I have to thank all the relevant local institutions and all the relevant stakeholders involved in this process for their sheer determination, dedication and continued support.
I would also like to thank our international partners for sharing their best practice with us.
As a result, today, Malta stands as an example to other jurisdictions.
We successfully implemented the agreed upon action plan, whilst maintaining strong economic growth and achieving unprecedented levels of employment, also in the gaming and financial services sectors.
But our effort will not stop here.
We will continue to nurture this culture change, deliver on our commitments and sustaining our momentum.
We remain open to engage as necessary, should any issues arise.
And as Prime Minister, I can give my assurance that we will remain fully committed to prevent money laundering, the financing of terrorism and particularly to combat other forms of serious and organised crime.
The announcement of today by the FATF is indeed a testament to our political will, resolve and strong commitment.
Recent Comments