Author: rossana.piscopo.1@gov.mt

PR230731

F’Reykjavik, l-Iżlanda, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-mexxejja tal-pajjiżi membri fil-Kunsill tal-Ewropa, indirizza d-dibattitu ġenerali matul ir-raba’ summit tal-Kunsill tal-Ewropa mit-twaqqif tiegħu 74 sena ilu. Id-diskors qiegħed jiġi ppubblikat. ​​

F’summit tal-Kunsill tal-Ewropa f’Reykjavik, l-Iżlanda, il-Prim Ministru Robert Abela ffirma l-Ftehim tal-Kunsill tal-Ewropa li jistabbilixxi r-Reġistru Internazzjonali tad-Danni, ikkawżati mill-aggressjoni fl-Ukrajna. Dan ir-reġistru se jservi bħala dokumentazzjoni ta’ evidenza li jkun jista’ jintuża fil-futur biex tiġi żgurata r-responsabbiltà finanzjarja ta’ min qed iwettaq l-aggressjoni fl-Ukrajna.

Dan il-ftehim isegwi r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, li rrikonoxxew il-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu internazzjonali għar-riparazzjoni ta’ danni minn atti internazzjonali illegali matul il-gwerra fl-Ukrajna.

PR230689

Studenti li qed jistudjaw fir-raba’ sena tal-kors tal-mediċina se jkollhom l-opportunità li jservu f’dak li huwa magħruf bħala l-isptar tal-Vatikan, l-Ospedale Pediatrico Bambino Gesù – wieħed mill-aqwa sptarijiet pedjatriċi. Dan bi ftehim li se jkun ffirmat fil-jiem li ġejjin, li qed ikompli jsaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede. 

Dan ġie rrimarkat mill-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li kellu fil-Berġa ta’ Kastilja mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, li matula l-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Gvern Malti se jkun qed jagħti b’donazzjoni lill-klinika tal-fqar Ambulatorio Madre Della Misericordia imwaqqfa mill-Papa Franġisku, pneumatometer, li huwa apparat mediku speċjalizzat. 

Matul din il-laqgħa, ġiet diskussa ukoll ir-relazzjoni b’saħħitha bejn iż-żewġ stati, bil-Prim Ministru jirrimarka li t-tnejn iħaddnu valuri soċjali u jaħdmu favur il-ġustizzja soċjali. 

Fost oħrajn, il-Gvern Malti qed iwettaq ħidma kontinwa biex jindirizza sfidi ekonomiċi marbuta mal-inflazzjoni u l-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil, biex jipproteġi u joffri stabbiltá lill-familji u lin-negozji. Dan fi sfond tal-importanza li l-Gvern qiegħed jagħti l-istat soċjali taċ-ċittadini fosthom b’servizz tas-saħħa, servizz ta’ childcare, trasport pubbliku u edukazzjoni mingħajr ħlas. Il-Prim Ministru Robert Abela spjega ukoll li qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi assigurata ekonomija sostenibbli, fosthom bit-tranżizzjoni diġitali u ħadra, dejjem bl-għan li tkompli titjib il-kwalitá tal-ħajja tal-familji. 

Il-gwerra fl-Ukrajna, is-sitwazzjoni fis-Sudan u fil-Libja u l-imigrazzjoni fil-mediterran kienu ukoll fuq l-aġenda. Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li Malta dejjem taħdem favur il-paċi u bħala pajjiż membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda nibqgħu kommessi li noffru appoġġ umanitarju.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Owen Bonnici, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Istat tal-Vatikan Frank Zammit u mill-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.​

PR230575

Il-Prim Ministru Robert Abela żar aktar investimenti li qed isiru f’Għawdex. Fir-Rabat żar il-kumpless rinovat tal-Arkadia fejn iltaqa’ ma’ bosta ħaddiema li jaħdmu fi stabbilimenti differenti filwaqt li fix-Xagħra żar investiment ta’ €6.5 miljun li sar f’lukanda bl-isem ta’ The Segond.

Fl-Arkadia l-Prim Ministru ġie mdawwar mit-tmexxija tal-kumpless operat mill-Organizazzjoni Mizzi fejn ġie spjegat kif dan huwa spazju kummerċjali mhux biss imfittex mill-Għawdxin iżda anki minn dawk li jżuru l-gżira tat-tliet għoljiet. Ġie nnutat l-investiment li sar ta’ rinovazzjoni biex il-kumpless baqa’ jattira lejh marki ta’ negozji importanti filwaqt li kompliet titjieb l-esperjenza tal-klijenti u tal-ħaddiema li qed jaħdmu f’ambjent isbaħ. 

Fil-kuntest li bl-aħħar investiment fl-Arkadia qed jaħdmu kważi 250 ruħ, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-importanza tat-tkabbir u l-investiment bħala mod kif jinħolqu iżjed impjiegi. Qal li l-gvern jibqa’ ffukat fuq ħidma importanti li jkomplu jinħolqu mpjiegi ta’ kwalità biex tkompli titjieb il-qagħda tal-ħaddiema anki dawk f’Għawdex fejn l-Għawdxin jibqgħu jsibu xogħol li jrendi f’Għawdex stess.

Fix-Xagħra, fil-boutique hotel The Segond, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-fiduċja f’pajjiżna permezz ta’ investiment fis-settur tal-ospitalità. Fil-fatt it-tmexxija ta’ SmartGroup Malta, li investiet f’din il-lukanda u li biha ħolqot 21 impjieg ieħor, irrimarkat kif iż-żmien tal-pandemija kien wieħed ta’ sfida iżda emmnet fil-potenzjal anki tas-suq turistiku Għawdxi li reġa’ qabad andament b’saħħtu. Fil-fatt intqal kif l-aħħar perjodu tal-Għid wera andament pożittiv ħafna għall-gżira Għawdxija. 

Fil-lukanda li titħaddem b’operat nadif u li tikkonsisti f’51 kamra, fosthom disa’ minnhom b’pixxina privata, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li l-gvern irid ikompli jinċentiva l-investiment u jagħti kuraġġ lil kull min qed joħloq ix-xogħol biex il-ħaddiema jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Fiż-żewġ żjarat, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri filwaqt li d-Deputat tal-Gvern Abigail Camilleri akkumpanjat lil Dr Abela fiż-żjara fl-Arkadia.

PR230567

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura estensjoni ta’ fabbrika ta’ €12-il miljun ta’ Seifert Systems Ltd. fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far u ħabbar li l-istess kumpanija, li timmanifattura sistemi li jirregolaw it-temperaturi f’diversi inġenji industrijali, se tkompli tespandi u tinvesti aktar minn €9 miljun biex tiddiversifika l-prodott tagħha. B’dan l-aħħar investiment imħabbar, il-kumpanija Ġermaniża bbażata f’Malta għal iżjed minn 50 sena u li llum tħaddem kważi 450 ruħ, se toħloq aktar impjiegi apparti l-140 xogħol ġdid li nħolqu bl-estensjoni tal-fabbrika.

F’indirizz li għamel waqt l-inawgurazzjoni tal-espansjoni tal-impjant ta’ Seifert, il-Prim Ministru nnota kif il-kumpanija saret l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li għandha fabbrika f’pajjiżna li taħdem mingħajr ma tniġġes l-ambjent. Hawn il-Prim Ministru nnota kif din il-kumpanija qed tagħmel dak li hu parti mill-viżjoni ekonomika tal-Gvern favur is-sostenibbiltà billi fost oħrajn investiet f’tagħmir state-of-the-art biex jintlaħqu l-ogħla livelli.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għal mod effikaċi li dan l-investiment inawgurat tlesta wara li tħabbar 18-il xahar ilu biss. Innota kif l-investiment pjanat li qed taħdem fuqu Seifert f’Malta jinvolvi diversifikazzjoni ta’ prodotti ġodda elettroniċi hekk kif din il-kumpanija qed tkompli timraħ fi swieq ġodda. Il-Prim Ministru Abela qal ukoll li anki quddiem tkabbir ekonomiku b’saħħtu rrimarkat minn istituzzjonijiet internazzjonali fosthom aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, il-Gvern jibqa’ jieħu deċiżjonijiet strateġiċi li bihom jgħin lin-negozji u lill-familji bis-sussidju fuq l-enerġija. Hawn irrimarka għal dikjarazzjonijiet oħra mhux ġejja mill-Gvern biex tieqaf l-għajnuna fuq l-enerġija u li l-Gvern żgur jibqa’ ma jaqbilx magħhom u għalhekk jagħti s-serħan il-moħħ li s-sostenn se jibqa’ jingħata.

Dr Abela nnota wkoll kif il-kumpanija mhux biss qed tħaddem iżjed nies f’pajjiżna iżda qed tkompli ttejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema f’setturi tekniċi bħall-inġinerija. Hawn qal li l-Gvern jibqa’ konxju ta’ sfidi fis-settur tax-xogħol biex ikompli jtejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema quddiem realtà li aktar intrapriżi qed ifittxu iżjed nies x’jimpjegaw u huwa għalhekk li bħala pajjiż nibqgħu nagħtu prijorità lill-edukazzjoni billi ninċentivaw anki l-istudenti jitħarrġu f’suġġetti marbuta max-xjenza, l-inġinerija u l-matematika fost oħrajn. Il-Prim Ministru rrefera għal numru ta’ investimenti mħabbra fl-aħħar żmien fosthom fis-settur tal-avjazzjoni u l-farmaċewtika u rrijaferma l-impenn li l-Gvern ikompli jinċentiva u jappoġġja tkabbir li bih anki jinħolqu opportunitajiet u titjieb il-qagħda tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Intant il-Kap Eżekuttiv u Direttur Maniġerjali ta’ Seifert f’pajjiżna, Michael R. Seifert saħaq li l-kumpanija qatt ma għażlet li tkeċċi ħaddiema, anki waqt l-akbar sfidi internazzjonali bħal ma kienet il-pandemija. Sostna li l-kumpanija tagħti importanza kbira għat-taħriġ tal-ħaddiema li bih ikomplu jiżviluppaw u jikbru fil-karriera filwaqt li aċċenna li passi favur operat sostenibbli ma jfissrux biss infiq iżda investiment favur iffrankar ta’ riżorsi u flus. Wara l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, żar l-impjant ta’ Seifert Systems.​