Inwettqu Flimkien: Inawgurata d-dar tal-anzjani Dar San Ġużepp f’Għajnsielem

PR240563

11/04/2024

Id-dar tal-anzjani Dar San Ġużepp mibnija fuq aktar minn tliet tomniet f’Għajnsielem, ġiet inawgurata l-Ħamis filgħodu mill-Prim Ministru Robert Abela, li ddeskriva din id-dar bħala waħda li toffri kwalità tal-ħajja lill-anzjani Għawdxin.

Id-dar li bdiet tilqa’ l-ewwel anzjani fil-ġimgħat li għaddew għandha mal-mija u għoxrin sodda mifruxa fuq erba’ sulari. Hija waħda tal-ogħla standards u tinkludi żoni mdaqqsa ta’ spazji miftuħa għat-tgawdija tar-residenti.

Fid-diskors tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-post kellu potenzjal għal proġetti varji, iżda l-Gvern għażel li ssir dar għall-anzjani Għawdxin. “L-għażla ma kinitx biss tal-Gvern. Iżda tal-Gvern mal-Knisja u mas-settur privat li ssieħeb biex joffri s-servizz. M’hemmx eżempju aħjar ta’ kif irridu nwettqu flimkien,” saħaq il-Prim Ministru.

Irrefera għall-istrateġija għal Għawdex għall-għaxar snin li ġejjin u kif il-kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin kollha hija prijorità ewlenija, inkluż l-anzjani. Tkellem dwar il-bżonn li l-anzjani jibqgħu attivi, kemm meta jgħixu b’mod indipendenti fil-qalba tal-komunità kif ukoll meta jidħlu f’dar residenzjali. Saħaq li ċ-ċokon ta’ pajjiżna nistgħu nisfruttawh biex dawk l-anzjani li jidħlu f’dar jibqgħu involuti fil-komunità u attivi.

Semma ċ-ċentri ta’ matul il-jum mifruxin madwar il-gżira, l-Università tat-Tielet Età, iċ-ċentri ta’ matul il-lejl u l-firxa wiesgħa ta’ servizzi offruti fil-qalba tal-komunitajiet Għawdxin. Il-Prim Ministru qal li dawn, flimkien ma’ kliniċi ġodda fil-komunità u bereġ tas-saħħa qed ikomplu jassiguraw li l-anzjani jgħixu komdi, b’aċċessibbiltà sħiħa għas-servizzi offruti.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri sostna, “Dan hu investiment importanti ferm għax illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li għandna dar tal-anzjani tal-ogħla livell li se tkun qed tilqa’ fiha madwar 120 anzjan u anzjana. Però aktar minn hekk, dar li se tkun qiegħda tgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna. Ir-residenti li diġà daħlu u qed jgħixu hawnhekk tawna kummenti pożittivi ferm u ninsab konvint li din se tkun dar tal-ogħla standards għal dawk kollha li se jkunu qegħdin jgħixu hawn u għall-ħaddiema li se jkunu qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom 24 siegħa kuljum f’din ir-residenza.”

Qabel l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ltaqgħu mar-residenti u l-ħaddiema tad-dar. Huma kienu akkumpanjati mid-diriġenti ta’ CareMalta li qegħdin joperaw Dar San Ġużepp.

FacebookTwitter
Skip to content