Robert Abela twieled f’Tas-Sliema fis-7 ta’ Diċembru 1977. Irċieva l-edukazzjoni primarja tiegħu fis-Sisters’ School, fl-Iskola ta’ San Franġisk, u fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi biex eventwalment gradwa bħala Avuktat mill-Università ta’ Malta fl-2002.

Dr Abela ħadem fid-ditta legali tal-familja, speċjalizza fil-liġi industrijali u tax-xogħol, u serva bħala rappreżentant legali ta’ entitajiet diversi, fosthom entitajiet pubbliċi u trade unions.

Huwa kien elett bħala Membru tal-Parlament f’Ġunju 2017, u nħatar bħala konsulent legali tal-Kabinett.

Fit-13 ta’ Jannar tal-2020, inħatar bħala l-14-il Prim Ministru ta’ Malta wara li l-membri tal-Partit Laburista għażluh bħala Mexxej tal-Partit Laburista.

Filwaqt li mexxa l-pajjiż fl-eqqel ta’ pandemija, ippreżenta l-viżjoni tiegħu għal Malta bbażata fuq ħames pilastri: il-kwalità tal-ħajja, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, l-ambjent u l-governanza. Gvern immexxi minn Robert Abela mhux biss baqa’ jikseb suċċessi ekonomiċi tant li wassal għall-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, iżda wettaq ukoll riformi kbar fil-qasam tal-governanza u għall-ewwel darba fl-istorja, reħa minn idejh poteri li l-ebda Prim Ministru ma kien ċeda qabel.

Fit-28 ta’ Marzu tal-2022, Dr Abela reġa’ nħatar Prim Ministru wara li rebaħ mandat elettorali b’saħħtu fl-Elezzjoni Ġenerali tas-26 ta’ Marzu 2022 meta l-Partit Laburista rebaħ bl-ikbar maġġoranza fl-istorja.

Dr Abela huwa miżżewweġ lil Lydia, née Zerafa, li hi ukoll Avukat. Huma għandhom tifla, Giorgia Mae.

Niżżel ir-ritratt uffiċjali tal-prim ministru