Author: matthew.galea.7@gov.mt

PR230160

Il-Prim Ministru Robert Abela ddiskuta r-riformi li l-gvern qed iwettaq u għandu maħsuba fl-oqsma tal-ġustizzja u t-tisħiħ tas-sigurtà ma numru ta’ studenti attivi f’għaqdiet studenteski.

Kien il-prim ministru li stieden rappreżentanti minn dawn l-għaqdiet fil-Berġa ta’ Kastilja biex jisma’ wkoll mingħandhom proposti li għandhom għal dawn iż-żewġ setturi importanti.

Filwaqt li elenka bidliet importanti li saru fl-aħħar snin, il-prim ministru fisser kif il-gvern għandu maħsuba iktar bidliet anke bbażati fuq dak propost fil-manifest elettorali.

Filwaqt li pajjiżna jibqa’ wieħed mill-iktar siguri, u li r-rata ta’ kriminalità, hekk kif ikkonfermat minn studji ta’ akkademiċi, baqgħet waħda taħt kontroll, is-soċjetà trid tibgħat il-ħin kollu messaġġ ċar favur imġieba xierqa.

Fil-laqgħa rriżulta wkoll kif għadd ta’ proposti tal-istudenti għaddejja wkoll ħidma dwarhom.

Filwaqt li sema’ mingħandhom, il-prim ministru appella lill-istudenti biex jibqgħu attivi f’din id-diskussjoni u oħrajn, hekk kif il-gvern hu determinat li jibqa’ jmexxi ‘l quddiem aġenda riformista li ma tikkuntentax bl-istatus quo jew b’dak li ksibna sal-lum.

Fil-fatt, irrefera għall-isfida li wieħed isib meta jipprova jbiddel anke ċerti prattiċi, inkluż fil-qrati, u qal li minkejja dan, wieħed irid ikollu l-kuraġġ li jidħol għall-bidla.

Il-prim ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

PR230134

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li, fl-aħħar jiem, il-Kabinett approva żewġ skemi maħsuba biex jgħinu n-negozji jagħmlu l-qalba lejn ir-rinovabbli u s-sostenibbiltà. F’indirizz li għamel waqt it-tnedija ta’ programm ta’ ċelebrazzjonijiet li jimmarkaw il-175 anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru spjega wkoll li din is-sena rridu ntellqu proposta leġiżlattiva għal dritt bażiku ta’ kont tal-bank għas-self employed u n-negozji kif imwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.​

Dr Abela spjega li miexi x-xogħol fuq sistema li tiffaċilita l-proċessi ta’ due diligence filwaqt li dawn jibqgħu robusti u b’saħħithom. “Qed naraw li jkollna riżultati konkreti bbażati fuq konsultazzjoni magħkom u msieħba oħra,” spjega l-Prim Ministru f’dan ir-rigward filwaqt li rrimarka li llum pajjiżna għandu ċertifikati ta’ ġurisdizzjoni serja u b’saħħitha u dawn il-fatti rridu nisfruttawhom.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-Kamra tal-Kummerċ bħala sieħeb strateġiku importanti hekk kif membri tal-Kamra jersqu ‘l quddiem b’ideat u proposti li jinbtu frott l-aspirazzjonijiet intraprenditorjali iżda li jkunu wkoll ta’ fejda għal pajjiżna. Il-Prim Ministru Robert Abela ta s-serħan il-moħħ li l-Gvern se jibqa’ jkun spalla u jagħti ċ-ċertezza u l-istabbiltà biex f’pajjiżna jibqa’ jkollna l-aqwa ambjent li fih jibqgħu jikbru n-negozji u s-settur tax-xogħol ikompli jissaħħaħ. Il-Prim Ministru qal li dan isir fi żmien ta’ prijoritajiet ġodda li għandu l-pajjiż fosthom l-ambjent u l-qalba diġitali. Hawn irrefera għall-pjan li tnieda fl-aħħar jiem b’rabta mal-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej li kisbet Malta, li jiżboq iż-żewġ biljun ewro.

Il-Prim Ministru qal li l-prosperità l-ġdida li bħala Gvern irid jibqa’ jiggarantixxi tiddependi wkoll minn kemm se jirnexxielna nagħmlu qabżiet ġodda, fosthom li l-ekonomija tagħna ssir waħda climate neutral u ssir aktar diġitali. Dr Abela spjega li l-Gvern se jibqa’ jinvesti fosthom fl-infrastruttura diġitali u fis-settur edukattiv filwaqt li jkompli jaqta’ l-burokrazija biex ikompli jiġi faċilitat l-investiment u l-kummerċ. Il-Prim Ministru qal li skrutinji minn istituzzjonijiet indipendenti lkoll ikkonfermaw li pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha u nistgħu nħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu għax għandna preżent b’saħħtu.

Il-Prim Ministru awgura lill-Kamra tal-Kummerċ li dalwaqt ukoll se tgħaddi minn proċess ta’ għażla ta’ tmexxija ġdida u sostna li jħares ‘il quddiem li bħala sħab jibqa’ jkollna interess komuni favur Għawdex u Malta.

PR221801

Is-serħan il-moħħ li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba.

Huwa dak li ħdimna għalih fl-aħħar tnax-il xahar.

Huwa dak li se nibqgħu niggarantixxu fiż-żmien li ġej.

Huwa għan li naħdmu għalih u nilħquh bħala poplu wieħed flimkien.

Ridna li wara sfida tant kbira bħall-pandemija, il-familji mhux biss ikunu jistgħu jippjanaw is-sena li ġejja, iżda wkoll il-futur.

Dan f’pajjiż li fih jinħolqu opportunitajiet ġodda għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna u fejn jikber is-sostenn lill-pensjonanti u dawk l-aktar fil-bżonn.

Biex nilħqu dawn l-għanijiet, pajjiżna għandu pjan imġedded. Pjan magħżul minnkom aktar kmieni din is-sena fl-iktar proċess demokratiku b’saħħtu u miftuħ, dak ta’ elezzjoni ġenerali.

L-għażla tagħkom ma kinitx biss dwar partit jew ieħor, iżda kienet għażla dwar x’ġejjieni tridu għal pajjiżna. Għażiltu programm ta’ ħidma b’elf proposta biex nibnu futur sabiħ flimkien.

Xejn ma jiġi mingħajr l-isfidi iżda wrejna għal darba wara oħra li bħala pajjiż kapaċi nagħrfu l-mument u ndawru l-isfidi f’opportunità.

Filwaqt li qatt ma ppruvajna nċekknu dak li qed jiġri barra pajjiżna, qatt ma ġejna quddiemkom biex naqtgħulkom qalbkom.

Fil-kuntest globali li qed ngħixu fih, f’Malta komplejna nieħdu deċiżjonijiet ħalli nagħtukom il-mezz li tkomplu tagħmlu kuraġġ għax grazzi għall-ħidma tagħkom se nibqgħu lkoll mexjin ’il quddiem.

Din is-sena kien veru importanti wkoll li ksibna l-fiduċja li erġajna lura għan-normalità sħiħa.

Fil-fatt kellna f’dawn l-aħħar ġimgħat konferma wara oħra ta’ kemm pajjiżna rkupra malajr u kemm ir-riżultati ekonomiċi li qed niksbu huma fost l-aqwa.

Rapporti ta’ istituzzjonijiet internazzjonali u indipendenti li jagħtu konferma li qed inħaddmu ekonomija b’saħħitha li fuqha nkomplu ngħinu lill-familji b’żidiet bħal dawk fiċ-children’s allowance, l-anzjani b’żidiet fil-pensjonijiet, il-first-time buyers b’għotjiet ġodda u lill-aktar vulnerabbli b’inizjattivi maħsuba apposta.

It-tkabbir ekonomiku qed nużawh biex kull min jgħix f’dan il-pajjiż ikun jista’ jgħix aħjar, f’soċjetà li tħobb u f’pajjiż isbaħ li jagħraf jagħti kwalità ta’ ħajja mill-aqwa.

Għalhekk, nisħaq illi s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna jrid ikun akkumpanjat minn progress soċjali u aktar drittijiet ċivili.

Ikollna soċjetà b’saħħitha jekk tkompli bir-riformi biex toħloq ġustizzja. Għax il-kwalità tal-ħajja mhix biss dħul finanzjarju aħjar.

L-2023 trid tkun ukoll is-sena fejn tarana nkomplu b’bidliet soċjali b’saħħithom, li jibnu fuq dak li għamilna fl-aħħar snin.

Nemmen li wasal il-mument li s-soċjetà tagħna tibgħat messaġġ iktar b’saħħtu favur il-ħarsien tal-mara. Issa li għandna l-akbar rappreżentanza femminili fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, huwa kruċjali li nagħmlu l-akbar qabża ‘l quddiem fid-drittijiet tan-nisa.

Dejjem emmint li l-fatt li tant iktar nisa llum daħlu fid-dinja tax-xogħol kellu jkun il-bażi biex ikollhom ħelsien ikbar f’oqsma oħra.

Iżda, sfortunatament bqajna nisimgħu wisq realtajiet ta’ nisa li jbatu fis-skiet proprju għax huma nisa.

U filwaqt li ssib min jgħidlek li se jibqa’ jkollok każi fejn is-sistema tidher li falliet, ikun ta’ għajb għalina jekk ma naħdmux biex kull tifla f’dan il-pajjiż ikollha s-serħan il-moħħ ta’ soċjetà li verament trid tħarisha. Li d-drittijiet ma jkunux biss fuq il-karta imma li jkun hemm ir-rieda u r-riżorsi biex jitħarsu.

Meta nitkellmu fuq l-ugwaljanza, meta ninsistu kontra l-vjolenza domestika, meta nisħqu fuq il-bżonn li kull mara nħarsulha ħajjitha u saħħitha, qed nitkellmu dwar il-kwalità tal-ħajja ta’ bintek, ta’ ommok jew oħtok.

Dawn mhux teoriji, dawn huma l-esperjenzi diretti tal-għeżeż tagħna fil-ħajja ta’ kuljum. Sfortunatament erġajna għaddejna minn ċerti esperjenzi koroh li kiddewni fuq livell personali, kemm bħala missier, kif ukoll bħala politiku.

Ebda riforma mhi se tiġi bi qbil assolut. Qatt ma ċaqlaqna l-affarijiet u ma qamitx diskussjoni. Ngħid li allaħares mhux hekk. Għaliex hija minn dik l-istess diskussjoni li noħorġu bl-aqwa għażliet. Bħala pajjiż wieħed u magħqud, mingħajr kliem kattiv jew li jifred.

Għażla waħda biss m’għandux ikun hemm; dik li naċċettaw l-istatus quo, jew ninħbew mir-realitajiet daqslikieku ma jeżistux.

Għaliex, meta nagħżlu li nibżgħu mill-bidla, anke bl-iskuża li l-maġġoranza komda kif inhi, inkunu qed ninjoraw lil dawk li ilhom ibatu u li bil-mod il-mod qed jitilfu t-tama. U dik mhux xi ħaġa li rridu naċċettaw.

Daqstant ieħor ma rridux naċċettaw l-istatus quo fis-settur ambjentali.

Din is-sena tajna sinjali ċari ta’ prijoritajiet ġodda. Ħadna deċiżjoni fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid biex medda ta’ art ODZ fiż-Żonqor nipproteġuha. Rajna lill-Ħondoq jiġi salvat u lliberajna spazji oħra biex fuqhom isiru proġetti li jitgawdew mill-familji.

Ifisser li għamilna biżżejjed? Dażgur li le. Għalhekk fix-xhur li ġejjin din il-ħidma trid tieħu forma iktar mgħaġġla biex ikollna l-bażi b’saħħitha għal aktar proġetti ambizzjużi.

Konvint li naslu għax għandi fiduċja f’pajjiżna.

U mhux aħna biss għandna fiduċja f’pajjiżna.

Pajjiżi oħra għandhom fiduċja f’pajjiżna. Se nibdew inservu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Se nġibu f’pajjiżna s-sena d-dieħla Summit li jiġbor fih il-pajjiżi kollha tan-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea. Ingħatajna ċertifikat mill-FATF għar-riformi li għamilna. Dawn huma kollha sinjali b’saħħithom ta’ kemm pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba.

Huwa fuq dawn is-sinjali li rridu nidħlu għas-sena l-ġdida b’ottimiżmu u entużjażmu. Fuq kollox bis-serħan il-moħħ li Għawdex u Malta għandhom ġejjieni sabiħ fejn flimkien nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar.

F’ismi, f’isem Lydia u Giorgia Mae, u f’isem il-gvern nawgura lilkom kollha, sena mill-aqwa.

PR221802

Il-Papa Emeritu Benedittu XVI kellu rabta ma’ pajjiżna wara li kien il-Papa li kkanonizza lil Ġorġ Preca bħala l-ewwel qaddis Malti.

Papa Benedittu XVI kien anki żar pajjiżna f’April tal-2010 u wara ż-żjara appostolika tiegħu kien esprima gratitudni għal-laqgħat sbieħ li tah il-poplu Malti u Għawdxi.

Filwaqt li nnota l-laqgħa li kellu fuq livell personali meta l-Papa Benedittu XVI żar pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għal-laqgħat sinifikattivi li kellu l-Papa f’Malta, fosthom maż-żgħażagħ.

Il-Gvern ta’ Malta jsellem il-memorja ta’ Papa Benedittu XVI u jagħti l-kondoljanzi lill-Istat tal-Vatikan.