Malta se tibqa’ tieħu inizjattivi innovattivi biex niġġieldu l-bidla fil-klima

PR231424

21/09/2023

Malta tkompli tappoġġja wkoll stati żgħar b’theddida mil-livelli tal-baħar minħabba dan il-fenomenu

Il-bidla fil-klima u l-effetti tagħha huma fuq l-aġenda tal-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif qed ikompli bl-impenji tiegħu b’rabta mal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.

F’diskussjoni bit-tema ‘Addressing the Existential Treats Posed by Sea-level Rise’ bis-sehem ta’ numru ta’ pajjiżi li għandhom din it-theddida, u pajjiżi bħal Malta li jappoġġjawhom, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li pajjiżna qed jagħti lil dan is-suġġett.

Dan mhux biss bl-inizjattivi meħuda fuq bażi nazzjonali, iżda wkoll bis-sehem fil-fora internazzjonali tant li s-suġġett tal-implikazzjoni fiż-żieda tal-livelli tal-baħar ittella’ fuq l-aġenda tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda mill-Presidenza Maltija.

Il-Presidenza tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda wkoll ipparteċipat f’dan l-avveniment.

“Huwa għan tagħna li bħala membri tal-Kunsill tas-Sigurtà li nżommu dan is-suġġett ċentrali,” wiegħed il-Prim Ministru, li spjega kif Malta se tibqa’ vuċi għal dawk l-istati li huma l-iktar milquta mit-theddida taż-żieda fil-livelli tal-ilma. Il-Prim Ministru saħaq li Malta se tibqa’ tara li dawn il-pajjiżi jkunu mismugħa u appoġġjati.

Il-Prim Ministru tkellem dwar is-sovranità ta’ dawk il-pajjiżi mhedda minn dan il-fenomenu u kif wieħed irid jassigura li din is-sovranità hija mħarsa. Innota wkoll kif iridu jkunu mħarsa wkoll l-identità kulturali u storika.

Hawn il-Prim Ministru tkellem dwar is-sezzjonijiet tas-soċjetà li huma l-iktar vulnerabbli, in-nisa u t-tfal fuq quddiem nett.

“Għalhekk irridu nħarsu n-natura, u l-popli tagħna, il-prosperità u l-istil ta’ ħajja quddiem l-isfidi li qed toffri ż-żieda fil-livelli tal-ibħra,” qal il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu.

F’kummenti li ta wara dan l-avveniment il-Prim Ministru qal li filwaqt li nitkellmu fuq l-effetti ta’ dan il-fenomenu bħala pajjiż żgħir Malta se tkompli tieħu inizjattivi b’saħħithom u innovattivi, bħal ma ttieħdu fil-COP26 bl-inizjattiva Island for Island.

Irrefera wkoll għall-inizjattiva oħra li qed tkun żviluppata bejn l-Istitut tal-Istati Żgħar, l-Università ta’ Malta u l-Organizzazzjoni għall-istati Afrikani, tal-Karibew u l-Paċifiku. Dan hu eżempju konkret tas-sħubija bejn il-Gvern, l-akkademja u grupp internazzjonali ta’ pajjiżi bl-istess interess. Permezz ta’ dan il-proġett qed ikun żviluppat Climate Vulnerability and Resilience Index. Dan biex issir evalwazzjoni tal-effetti tal-bidla fil-klima fuq stati vulnerabbli bl-iktar mod tajjeb.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-kunċett tal-Green Bonds li nħarġu mill-Korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma. Fil-fatt, din hi waħda mill-ewwel kumpaniji tal-ilma fid-dinja li ħadet inizjattiva ekoloġika bħal din, bil-bonds għandhom ċertifikat li jintużaw minn proġetti ambjentali kemm fis-settur tal-ilma, bil-għan li jitjiebu l-kwalità u l-effiċjenza, kif ukoll fir-rinnovabbli. Dawn huma proġetti li jsaħħu r-reżiljenza ta’ pajjiżna f’dan is-settur.

FacebookTwitter
Skip to content