‘A Night at the Palace’ fil-Palazz tal-Girgenti – kunċert b’għan nobbli

PR231035

03/07/2023

Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, nediet edizzjoni oħra tal-kunċert ‘A Night at the Palace’, li se jsir nhar l-Erbgħa, 12 ta’ Lulju mit-8:30pm ’il quddiem. Il-kunċert imżewwaq b’siltiet mużikali differenti se jittella’ bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali fil-Palazz tal-Girgenti fil-limiti tas-Siġġiewi.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz tal-Girgenti, Lydia Abela spjegat kif hi, il-Prim Ministru Robert Abela, u binthom Giorgia Mae qed iħarsu ’l quddiem li jilqgħu lill-familji għal dan il-kunċert b’għan nobbli warajh. “Il-Palazz tal-Girgenti se jiftaħ il-bibien għal serata mill-isbaħ fejn dawk li jixtiequ jattendu jeħtieġu jiġbru biljett mingħajr ħlas u mistiedna jagħtu donazzjoni b’risq l-għaqdiet li jaħdmu fil-ħarsien tal-annimali”, sostniet Dr Abela.

Il-biljetti mingħajr ħlas għal dan il-kunċert jistgħu jinġabru nhar l-Erbgħa 5 u l-Ħamis 6 ta’ Lulju mill-Berġa ta’ Kastilja (dħul minn Triq San Pawl, il-Belt) mid-9am sa 12pm. Dr Abela fissret li dan il-kunċert se jservi wkoll bħala turija t’apprezzament għan-nies li jaħdmu mal-annimali fosthom bosta voluntiera. Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali Chris Muscat, li spjega kif dak li se tippreżenta l-orkestra se joffri varjetà fosthom anki xogħol ta’ artisti kompożituri Maltin. “Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li l-għażla mużikali tinkludi wkoll ġieħ lil Oreste Kirkop, f’għeluq il-mitt sena minn twelidu, u l-kompożitur Paolino Vassallo, f’għeluq il-mitt sena minn mewtu:  żewġ artisti kbar Maltin li għamlu isem għalihom infushom u għal pajjiżna fuq livell internazzjonali”, sostna Chris Muscat hu u jisħaq li l-orkestra qed tkompli tippromwovi l-mużika Maltija.

Dr Lydia Abela temmet tgħid li ‘A Night at the Palace’ għandha tkun lejla memorabbli li tkompli tesponi t-talent tal-mużiċisti u l-valuri sbieħ tal-Maltin u l-Għawdxin.

FacebookTwitter
Skip to content