STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR220446

07/04/2022

Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ

F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ t-tmexxija u rappreżentanti mill-Kamra tal-Kummerċ.

Il-Prim Ministru saħaq li l-politika tal-gvern tibqa’ waħda bbażata fuq id-djalogu soċjali, filwaqt li kull fejn hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet, jittieħdu fl-aqwa interess tan-negozji u tal-familji Għawdxin u Maltin.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Prim Ministru enfasizza dwar l-importanza li nkomplu fit-triq għan-normalità sħiħa permezz ta’ rilaxx ta’ iżjed miżuri.

“F’dan il-mument waħda mill-iktar affarijiet importanti, inkluż għas-setturi li tirrappreżentaw intom huwa li nkomplu bit-triq lejn in-normalità. Fil-jiem li ġejjin se jkomplu jkunu rilaxxati iktar miżuri biex wieħed jista’ jgħid li qegħdin noqorbu dejjem lejn il-ħajja normali tagħna. Dan ma jfissirx li wieħed ma jiħux ħsieb is-saħħa tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru, imma rridu nibqgħu mexjin lejn direzzjoni fejn tkun l-għażla tal-persuna li tiddetermina l-aħjar mod kif tieħu ħsieb tagħha nnifisha,” qal Dr Abela.

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru rrimarka dwar is-sostenn tal-irkupru ekonomiku li diġà qed jesperjenza pajjiżna u li mistenni jibqa’ għaddej b’ritmu qawwi.

“Sa tmiem is-sena li għaddiet il-GDP kien nofs biljun ogħla minn qabel il-pandemija. Issa rridu naraw li kull settur jilħaq il-livelli ta’ qabel faqqgħet il-pandemija,” spjega l-Prim Ministru li saħaq li s-setturi kollha għandhom ikunu megħjuna skont il-ħtieġa.

Il-Prim Ministru qal, “Dan kollu jrid isir fil-kuntest taż-żewġ trasformazzjonijiet kbar li rridu nwettqu b’suċċess – id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Fiż-żewġ każijiet ma jistax jintilef ħin. Irridu naħdmu b’ħeffa u b’mod li dawn il-bidliet iseħħu f’kull settur. Ovvjament il-gvern se jagħti appoġġ speċjali biex isiru dawn il-bidliet. Hawn kemm il-pjan ta’ rkupru u reżiljenza kif ukoll il-fondi Ewropej inġenerali se jkunu kruċjali. Nemmen li l-istakeholders iridu jkunu partners tal-gvern f’dan il-proċess.”

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għas-sitwazzjoni kurrenti fl-Ukrajna u l-komunità internazzjonali.

“Nifhmu li hawn sfidi kbar madwar id-dinja u pressjonijiet ma jaqtgħu xejn. Il-gwerra fl-Ukrajna hi qabel xejn kundannabbli għall-atroċitajiet li qed isiru u Malta fil-fora kollha tibgħat messaġġ b’saħħtu dwar dan. Konxji wkoll li tpoġġi pressjoni fuq il-membri tagħkom u fuq iċ-ċittadini tagħna.Għalhekk fid-deċiżjonijiet li ħadna u li qed nieħdu qed naraw li nilqgħu għall-impatt ta’ din il-gwerra. Il-gvern se jibqa’ jkun wieħed għan-nies u man-nies,” tenna Dr Abela.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru silet numru ta’ proposti li permezz tagħhom ingħata l-fiduċja dan il-gvern u li sussegwentament se jkomplu jsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol.

“It-tnaqqis fit-taxxa, l-ease of doing business u l-mod inqas burokratiku kif irridu naħdmu, filwaqt li nibqgħu nibnu fuq it-tajjeb li għamilna fis-settur tal-governanza. Inħares ’il quddiem li mill-budget li ġej nibdew naraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri importanti,” kompla l-Prim Ministru li spjega kif element importanti ħafna se jkun il-politika tax-xogħol.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb, kellha kliem pożittiv għall-ħatra tal-kabinett il-ġdid u għamlet numru ta’ suġġerimenti għall-ħidma tal-gvern fis-setturi differenti.

Preżenti matul il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana.

FacebookTwitter