Il-miri fiskali milħuqa ferm qabel iż-żmien se jwasslu biex nimplimentaw programm ta’ ħidma ambizzjuż għall-ġid tal-Maltin

PR260968

04/06/2026

Pajjiżna laħaq il-miri fiskali ferm qabel iż-żmien b’tim b’saħħtu li se jkompli jmexxi lil Malta dejjem aktar ’il quddiem bl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma INT Malta. Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja b’rabta mal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li pajjiżna laħaq il-miri fiskali wara li rnexxielu jniżżel id-defiċit imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross taħt it-3%.

Fil-fatt id-defiċit niżel għal 2.2% waqt li l-medja Ewropea hija ta’ 3.1%. Issa l-Kummissjoni Ewropea kitbet formalment lill-Kunsill Ewropew biex joħroġ lil Malta mill-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, biex pajjiżna kien l-uniku pajjiż li tneħħa minn din il-proċedura u għandu l-aqwa tkabbir ekonomiku għal din is-sena u s-sena d-dieħla fl-Ewropa. Dan skont l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li fl-2020 kellu għażla quddiemu meta faqqgħet pandemija, dik li jixxaħħaħ u jwieġeb bl-awsterità jew inkella jinvesti fin-nies. Huwa għażel it-tieni waħda u baqa’ hekk sal-lum biex ta ċertezza, stabbiltà u serħan il-moħħ. Dr Abela saħaq li bis-saħħa tal-għaqal fl-amministrar tal-finanzi, id-dejn nazzjonali bħala proporzjon tal-ġid nazzjonali qabad jonqos u l-mira hi li f’din il-leġiżlatura li għadha kif bdiet, jinżel għal 40%.

“Il-poplu Malti u Għawdxi jaf lil min għandu jagħti l-fiduċja, lil Gvern kompetenti, effettiv u kredibbli”, irrimarka l-Prim Ministru quddiem ir-raba’ mandat storiku konsekuttiv li rċieva l-moviment politiku li jmexxi. Spjega li għandu tim b’saħħtu biex imexxi Gvern għall-ġid tal-pajjiż u se jimplimenta l-programm ta’ ħidma biex fost oħrajn, b’qagħda fiskali b’saħħitha u li mistennija tkompli titjieb; iżid il-leave tal-maternità u l-paternità, jinċentiva aktar lill-first-time buyers, ikompli jżid il-pensjonijiet, jagħti Super Bonus ta’ €1,000 fis-sena għall-ħaddiema kollha, jinvesti fl-aqwa xjenza u teknoloġija għall-IVF, jgħin lill-ġenituri fit-terapiji għal uliedom b’diżabilità, jagħti kick-start liż-żgħażagħ li bdew jaħdmu jew fetħu start-up u jibdel f’parks nazzjonali l-White Rocks u Manoel Island, fost oħrajn.

F’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka wkoll għall-fatt li l-Eurostat ikkonfermat li Malta hija l-pajjiż fiż-Żona Ewro bl-inqas rata ta’ inflazzjoni. Dan bis-saħħa ta’ politika progressiva u soċjali ta’ din l-amministrazzjoni. “Fl-aħħar sigħat, il-Gvern ingħata l-aqwa ċertifikat tal-ħidma tiegħu u għalhekk inħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana sostna kemm id-deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Gvern fl-aħħar snin kienu kruċjali biex illum pajjiżna huwa l-unika pajjiż minn tmienja fl-Unjoni Ewropea li laħaq dawn il-miri fiskali. Huwa spjega li minkejja li l-Kummissjoni Ewropea tat lil pajjiżna erba’ snin biex inaqqas id-defiċit taħt it-3%, dan it-tragward intlaħaq f’sentejn biss.

Huwa qal li filwaqt li pajjiżi Ewropej oħra qed jaraw il-defiċits tagħhom jiżdiedu, f’Malta qed jiġri bil-maqlub u d-defiċit ta’ pajjiżna se jkompli jonqos sena wara l-oħra. Tant hu hekk li l-Kummissjoni Ewropea qed tantiċipa li sal-2027, se ikun hemm 13-il pajjiż fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

Il-Ministru spjega wkoll kif matul l-aħħar snin, id-defiċit ta’ pajjiżna naqas b’medja ta’ 1.3 punti perċentawli kull sena. Għas-snin li ġejjin il-Gvern qed jippjana li jkompli jnaqqas id-defiċit b’0.6 punti perċentwal u dan sabiex ikompli jagħmel tajjeb għall-impatti li ġejjin minn barra u kif ukoll biex jitwettaq il-manifest elettorali b’saħħtu li ppreżenta l-Gvern matul l-aħħar ġimgħat.

FacebookTwitter