PR251040
13/06/2025
Malta rnexxielha tattira lejha din il-Masterclass dinjija fejn l-aqwa professjonisti nġabru jiskambjaw l-ideat
F’indirizz li għamel hekk kif f’pajjiżna qed titlaqqa’ ‘The International Advanced Endoscopy Masterclass’, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-Gvern Malti favur eċċellenza fis-settur tas-saħħa, ir-riċerka u l-edukazzjoni medika. Il-Prim Ministru nnota kif din it-tip ta’ konferenza mill-aqwa professjonisti fil-qasam tal-endoskopija ġiet f’pajjiżna għall-ewwel darba u bis-saħħa tagħha qed isir skambju ta’ ideat. Hawn innota l-irwol tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex inġabet din il-konferenza f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru spjega l-investiment li kompla jsir f’pajjiżna biex il-pazjenti jibqgħu jirċievu servizz tas-saħħa ta’ kwalità. Innota kif pajjiżna introduċa dik imsejħa bħala endoscopic submucosal dissection. Teknika li biha l-intervent endoskopiku ikun aktar preċiż u jagħti l-opportunità għal trattament li jkun invażiv mill-inqas. Dr Abela qal ukoll li sala oħra għall-endoskopija fetħet fl-isptar Mater Dei biex jingħata aktar servizz lill-pazjenti.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li din il-konferenza medika se tagħti opportunità biex pajjiżna jkun ċentru t’eċċellenza fis-saħħa fir-reġjun tal-Mediterran. Irringrazzja wkoll b’mod partikolari u fost oħrajn lill-Professur Edward Despott, Malti rinomat barra minn pajjiżna u li anki qed jagħti s-servizzi tiegħu fl-isptar Mater Dei. Il-Professur Despott kien strumentali biex l-AEM inġabet f’pajjiżna.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela wera s-sodisfazzjon kbir tiegħu u tal-Ministeru li kungress ta’ din il-kwalità u mill-aktar għolja qed iseħħ f’pajjiżna. Huwa għamel aċċenn għall-espansjoni fis-servizzi tal-endoskopija f’Mater Dei li fl-aħħar sena ingaġġat lil professur Edward Despott li qed joffri servizzi ta’ ESD u double balloon enteroscopy. Dan huwa livell ta’ kura li jiġi klassifikat mal-aqwa fid-dinja. “Bis-sehem tal-Gvern u fl-organizazzjoni ta’ dan il-kungress qed jibbenefikaw, it-tobba u l-infermiera li joffru servizz f’Malta qed jiġu mħarrġa bl-aħjar mod biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jirċievu kura tal-ogħla livell,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef qal li l-istrateġija tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hija favur turiżmu ta’ kwalità u jrendi bħala parti wkoll mill-viżjoni Malta 2050. Fisser kif konferenzi u expos tal-kalibru tal-Masterclass AEM li qed issir f’pajjiżna f’dawn il-jiem jagħtu dak il-valur miżjud fl-ekonomija tagħna.