Stqarrija mill-Gvern ta’ Malta b’rabta ma’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-qafas ta’ ċittadinanza b’investiment

PR250702

29/04/2025

Il-Gvern ta’ Malta jagħmel referenza għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea iktar kmieni llum fil-kawża C-181/23, f’każ li l-Kummissjoni Ewropea fetħet kontra Malta b’rabta mal-qafas leġiżlattiv ta’ ċittadinanza b’investiment.

Bħal dejjem il-Gvern Malti jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-qrati, filwaqt li f’dan il-mument l-effett legali ta’ din is-sentenza qed ikun studjat fid-dettall, sabiex il-qafas regolatorju ta’ pajjiżna dwar iċ-ċittadinanza jkun konformi mal-prinċipji msemmija fis-sentenza.

Sa minn Ottubru tal-2020, meta l-Kummissjoni Ewropea bdiet il-proċess li wassal għal dan il-każ kontra Malta fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti dejjem għamilha ċara li kien se jiddefendi dan il-qafas, anke għaliex kwistjonijiet marbuta ma’ ċittadinanza huma ta’ kompetenza nazzjonali. Hekk sar fl-aħħar erba’ snin u nofs. Irid ikun innotat li dan il-prinċipju kien ikkonfermat fir-rakkomandazzjoni tal-Avukat Ġenerali, Anthony Michael Collins, ippubblikata fl-4 ta’ Ottubru tal-2024, li qal ukoll li ma kienx hemm każ kontra Malta.

Il-Gvern Malti jinnota li għalkemm is-sentenza tal-Qorti Ewropea tikkonferma l-prinċipju dwar il-kompetenza nazzjonali, skartat ir-rakkomandazzjoni tal-Avukat Ġenerali li ma kienx hemm każ kontra Malta u daħlet f’aspetti oħra. F’dan l-istadju jrid ikun iċċarat li d-deċiżjonijiet meħuda kemm ilu fis-seħħ il-qafas leġiżlattiv preżenti, kif ukoll dak ta’ qablu, jibqgħu validi.

Il-Gvern Malti jibqa’ kburi bil-ġid iġġenerat minn dan il-qafas matul l-aħħar snin, tant li grazzi għalih il-pajjiż għandu fond nazzjonali ta’ investimenti u tfaddil għall-ħtiġijiet tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Il-Gvern se jibqa’ kommess li jkompli jattira l-aqwa investiment li minnu jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Gvern Malti jfakkar li kemm ilu fis-seħħ, mill-2015, dan il-qafas leġiżlattiv iġġenera b’mod dirett iktar minn €1.4 biljun fi dħul għall-pajjiż. Dawn il-fondi dejjem inqasmu bejn il-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF), li permezz tiegħu saru u qed isiru diversi proġetti ta’ fejda u investimenti, kif ukoll fil-Fond Konsolidat. Tul il-perjodu tal-pandemija kien żdied il-perċentwal ta’ kontribuzzjonijiet fil-Fond Konsolidat.

Permezz tal-NDSF saru wkoll għadd kbir ta’ investimenti f’oqsma kruċjali għall-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Iktar minn €60 miljun ġew allokati għall-proġetti ta’ housing soċjali, fejn mijiet ta’ appartamenti taw u qed jagħtu ħajja iktar dinjituża lill-eluf ta’ persuni.

Proġetti oħra b’għan soċjali kienu jinkludu l-garanzija fl-iskema New Hope, li nħolqot għal dawk il-persuni li minħabba mard jew kundizzjonijiet medici, il-bank ma kienx jagħtihom self biex jixtru dar, l-investiment f’St Michael Hospice, proġett tal-Hospice state of the art għall-kura paljattiva fejn ġew allokati €8.5 miljun, u €5 miljun oħra ntużaw għall-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Londra. Ġew appoġġjati wkoll proġetti importanti oħra tal-Caritas.

Fil-qasam tas-saħħa sar programm ta’ €10 miljun f’investimenti fit-tisħiħ taċ-ċentri tas-saħħa li għandna madwar il-pajjiż, filwaqt li miljuni ta’ ewro oħra ġew investiti f’apparat ġdid f’San Vinċenz De Paule u fid-dipartiment tal-qalb f’Mater Dei.

Fis-settur sportiv saru investimenti strateġiċi kemm fl-atleti, kif ukoll fl-infrastruttura. Grazzi għal €5 miljuni investiti fl-atleti tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar Malta rebħet dawn il-logħob għall-ewwel darba fl-istorja fl-2023. Iktar minn €13-il miljun huma allokati għat-trakka tal-karozzi li fuqha beda x-xogħol, u mal-Malta Football Association hemm ftehim fuq €9 miljuni għal ċentru tekniku ġdid li issa kważi lest.

Saru wkoll investimenti fi proġetti ta’ tħaddir u għadd ta’ proġetti ta’ restawr biex nħarsu l-patrimonju ta’ pajjiżna. Dan hu biss ftit mill-ġid li ġġenera dan il-programm u wħud mill-proġetti fejjieda li saru.

Minbarra dan kollu, il-qafas iġġenera €339 miljun f’xiri ta’ proprjetà u €158 miljun f’kiri ta’ proprjetà, filwaqt li €236 miljun kienu investiti f’xiri ta’ bonds. L-applikanti kkontribwew ukoll mal-€10 miljun f’għotjiet filantropiċi diretti lill-għaqdiet volontarji madwar il-pajjiż.

Malta ma kinitx l-uniku pajjiż li ħaddmet programmi simili. Il-Gvern itemm jappella biex fil-passi li jridu jsegwu din is-sentenza, Malta tkun front wieħed magħqud u kulħadd jintrefa’ ’l fuq mill-partiġġjaniżmu favur l-interess nazzjonali, inkluż l-Oppożizzjoni li ħadmet kemm felħet biex tagħmel ħsara massima b’mod partikolari fuq livell Ewropew, u timmina l-qafas ta’ pajjiżna anki fil-perjodu li l-Gvern Malti kien qed jiddefendi l-interessi nazzjonali f’din il-kawża fil-Qorti Ewropea tul dawn l-aħħar snin.

FacebookTwitter
Skip to content