PR242109
01/01/2025
Ħares lejn l-arkitettura ta’ pajjiżna u tkun qed tirrakkonta l-istorja ta’ dan in-nazzjon.
Storja ta’ poplu li kien jiddependi fuq il-ħniena tal-barrani.
Poplu li jittama li s-sid jitimgħu.
Sakemm sibna riġlejna u ma bqajniex iżjed inseftru lil ħaddieħor.
Missier missirijietna ġġieldu għad-destin ta’ dan il-pajjiż u għalina,
biex inkunu l-awturi tal-istorja tagħna, inkunu protagonisti.
U għax konna poplu wieħed ħdimna flimkien, irbaħna u wellidna nazzjon.
Mill-gżejjer kollha fil-Mediterran, Malta l-unika gżira li saret nazzjon wieħed.
Storja ta’ kuraġġ. Storja ta’ pajjiż li ma riedx li ċ-ċokon tiegħu jiddefinih.
Minn poplu jbati l-ġuħ wara l-gwerra, f’żewġ ġenerazzjonijiet bnejna pajjiż modern u ħieles.
Ħieles biex jaħseb,
ħieles biex joħlom u li jimxi aktar ’il quddiem.
Bil-lingwa tiegħu għajta ta’ ġens li jrid il-libertà.
Pajjiż li kien jibgħat lil uliedu fl-erba’ rjiħat tad-dinja,
fost d-dieqa ta’ ommijiet ixejru lil uliedhom, ħafna drabi għall-aħħar darba. Ixejru lil demmhom. Ixejru t-tama.
Illum mhux il-firda imma t-tama f’pajjiżna,
b’sens ta’ opportunità u ottimiżmu.
Illum l-omm tħares bi kburija hekk kif uliedha jiktbu l-istorja.
Malta pajjiżna.
Din hija Malta tagħna.
Din hija Malta li tant kburin biha.
Pajjiż żgħir imma poplu kbir.
Poplu li dejjem irnexxa u kien ta’ suċċess.
50 sena minn Malta Repubblika.
Illum, quddiemna pajjiż modern li joffri futur ta’ kwalità lil uliedna.
Jien stess kritiku fejn nonqsu.
Imma ma intom qatt se tisimgħu kelma ħierġa minn fommi kontra pajjiżi, pajjiżna.
Għax din hija artna, din hija darna.
L-appell tiegħi għas-sena l-ġdida huwa wieħed ta’ għaqda.
Għalhekk ejja naħdmu flimkien biex dawk il-materji li l-poplu tagħna jixtieq li jtejjeb, insibu s-soluzzjonijiet għalihom flimkien.
L-aħna ikbar mill-jien.
L-għaqda ikbar mis-suppervja.
Hawn ħafna tajjeb f’dan il-pajjiż.
Għandna qalb tajba,
poplu bieżel, l-ekonomija ta’ pajjiżna qed tkompli tikber u toħloq aktar ġid,
għandna talent kbir fostna u għandna kuraġġ ta’ sur.
Fil-jiem li ġejjin se nkomplu nindirizzaw waħda mill-ikbar sfidi quddiemna, dik tal-ħaddiema barranin.
Irrid nara li filwaqt li nżommu l-ekonomija għaddejja din ma tiġix bi prezz. Prezz li jitħallas mill-poplu Għawdxi u Malti fi kwalità tal-ħajja u l-ambjent.
Dik mhu se naċċettaha qatt.
Fit-turiżmu wkoll, illum għandna l-lussu li nagħżlu mhux kemm jiġu imma l-kwalità ta’ turist se tkun il-prijorità.
Iva, għandna s-soluzzjonijiet u se nwettquhom.
Għandna pjan ċar u nafu fejn irridu naslu.
Fil-ġranet li ġejjin ukoll se taraw it-twettiq tal-Budget fil-ħajja tagħkom.
L-ikbar tnaqqis fit-taxxa fl-istorja.
Dan xi jfisser?
Kull min jaħdem se jara l-paga tiegħu tiżdied, għalhekk se jibqagħlek aktar flus fil-but.
U kull pensjonant se jerġa’ jiżdied għall-għaxar sena nfila u kull min għandu t-tfal diġà rċieva l-ewwel pagament miż-żieda ta’ €250 fiċ-Children’s Allowance.
Dawn huma biss fost id-diversi miżuri oħra li se jidħlu fis-seħħ.
Matul din is-sena l-ġdida se nintensifikaw ukoll il-ħidma tagħna biex nindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ bosta persuni, fosthom anzjani għall-interventi kirurġiċi li għandhom bżonn.
Qed nagħmlu ħilitna kollha sabiex naqtgħu l-lista ta’ stennija fl-iqsar żmien possibbli.
Mhux hekk biss.
Anke fis-settur tal-akkomodazzjoni, se nkomplu bil-ħidma tagħna favur li kulħadd isir sid ta’ daru
u għalhekk l-iskemi u inċentivi tant b’saħħithom, bħal tal-equity sharing fost oħrajn, li se naraw li jgawdu minnhom aktar nies.
Se nagħmlu wkoll sforz kollettiv sabiex kulħadd ikollu l-kumdità u l-aċċessibilità jinżel u jitla’ f’daru.
Dak li wegħidnikom f’Ottubru se tarawh jitwettaq fil-ġranet li ġejjin.
Dak li nwiegħdu nwettquh u nagħtikom kelmti li se jitwettaq.
Meta dan il-pajjiż jingħaqad, meta dan il-pajjiż juri l-kuraġġ u ma jbaxxix rasu għall-biża’, jista’ jkompli miexi ’l quddiem u jkompli jikteb l-istorja ta’ dan il-pajjiż b’suċċess.
Storja ta’ perseveranza fejn iċ-ċokon tagħna lanqas jibda mad-daqs tal-ħolm tagħna.
F’ismi, f’isem marti Lydia u bintna Giorgia Mae, nixtiqilkom sena ta’ għaqda, tama u paċi.