PR240972
03/06/2024
Meta kien qed iħabbar li se jiġi ppubblikat l-Avviż Legali ‘Equal Pay for Work of Equal Value’ biex jiddaħħal fis-settur privat sa mill-bidu tas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru Robert Abela fisser ħidmet il-Gvern bħala waħda li tkompli timbotta riformi u bidliet li jagħtu s-saħħa lill-ħaddiem.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif din kienet wegħda oħra mwettqa fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern ‘Malta Flimkien’. Qal li llum id-diskussjonijiet mhux biss bdejnihom iżda bħala Gvern ġibna bidliet imnebbħa mir-ruħ soċjali. “Dan Gvern li jemmen fi djalogu soċjali u poġġejna madwar mejda kif għamilna fuq inizjattivi oħra bħall-Patti Soċjali taż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali u fl-inizjattiva Stabbiltà,” spjega l-Prim Ministru hu u jirrimarka wkoll li d-djalogu soċjali wasal ukoll fir-riforma tat-temping agencies.
Dr Abela qal li bil-bidla, li se tfisser li ħaddiem tal-kuntrattur u ħaddiem impjegat dirett fuq post tax-xogħol jitħallsu indaqs għall-istess valur ta’ xogħol, se nkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema. L-istess meta ġew introdotti drittijiet ġodda bħaż-żieda fil-leave tal-ġenituri.
“L-investimenti li jiġu u l-postijiet li jagħtu l-aqwa opportunitajiet huma hemm biex nagħtu dinjità u drittijiet iktar b’saħħithom lill-ħaddiema kollha,” saħaq il-Prim Ministru. Dr Abela rringrazzja kull min kien parti fit-tfassil ta’ din il-bidla pożittiva li se timpatta mijiet ta’ ħaddiema f’diversi oqsma fosthom dawk fit-turiżmu fis-settur tal-ospitalità u anki f’oqsma oħra bħal fil-manifattura. Qal li dawn huma bidliet pożittivi li wettaqnihom bis-saħħa ta’ kulħadd.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq li bil-liġi li qed inħabbru llum, se nkomplu nsaħħu d-drittijiet u l-protezzjoni tal-ħaddiema li huma impjegati mal-aġenziji tax-xogħol, kif ukoll intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom permezz ta’ żidiet fil-pagi ħalli jilħqu l-livelli tal-ħaddiema l-oħrajn fi rwoli identiċi. B’hekk, mhux biss ħa nkattru l-ġid f’pajjiżna permezz ta’ titjib fil-pagi ta’ eluf ta’ ħaddiema, però dan qed isir b’mod li jirrispetta u jirrikonoxxi d-dinjità u l-ħiliet tal-ħaddiema, u li verament jirrifletti x-xogħol u l-kontribut li qed jagħtu.
“Nixtieq nenfasizza aspett ieħor kruċjali ta’ din il-liġi; li din, apparti l-equal pay, tassigura wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol statutorji ugwali wkoll. Dan ifisser li ħaddiem ta’ temping agency, li jiġi ingaġġat minn pereżempju lukanda, mhux biss se jkollu d-dritt għal paga ugwali daqs il-ħaddiema l-oħra tal-lukanda li jaħdmu fi rwol simili, iżda wkoll se jkollu d-dritt li jibbenefika minn kundizzjonijiet ugwali bħall-annual leave, breaks, over-time u anke protezzjoni relatata ma’ saħħa u sigurtà,” qal Dr Ellul.