Servizz Pubbliku aġent tal-bidla

PR240826

15/05/2024

•  Il-Prim Ministru Robert Abela jżur il-Public Service Expo 2024 li matulha tnediet flotta ġdida ta’ 250 vettura elettrika għas-Servizz Pubbliku

Għat-tieni sena konsekuttiva, is-Servizz Pubbliku tella’ l-Public Service Expo fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet, l-MFCC, f’Ta’ Qali. Matul l-Expo bit-tema ‘Insaħħu l-Ħiliet’ il-Prim Ministru Robert Abela nieda 250 vettura elettrika u fisser is-Servizz Pubbliku bħala aġent tal-bidla.

Qal li din it-tnedija tmur id f’id ma’ dak li qed jagħmel il-Gvern fil-qasam ambjentali biex pajjiżna jilħaq il-miri tiegħu u jkun carbon neutral. Semma diversi skemi bil-għan li l-familji Maltin u Għawdxin jinvestu f’enerġija rinnovabbli. Iżda elenka wkoll il-proġetti ewlenin li qed jimplimenta l-Gvern fosthom il-proġett tax-Shore-to-Ship li qed inaqqas 90% tat-tniġġis tal-arja fiż-żona tal-Port il-Kbir. “B’mod simili għaddejjin bi proġett ieħor fil-Port Ħieles biex inkomplu nnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja,” sostna l-Prim Ministru.

Dr Abela qal li l-qalba ambjentali tissarraf f’arja iktar nadifa. Ma’ dawn jingħaqad l-ikbar investiment fi spazji miftuħa u b’hekk il-familji jkunu jistgħu jgawdu minn spazji ħodor f’ambjent iktar san u nadif.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li din it-tnedija mhijiex il-punt tal-wasla imma hija tarġa oħra fi strateġija sħiħa biex l-amministrazzjoni pubblika tkun aktar ambizzjuża fil-miri ambjentali tagħha. Fl-aħħar xhur is-Servizz Pubbliku ħadem biex kif imwiegħed fil-manifest tal-Gvern jiġu eliminati l-emissjonijiet mil-arja permezz ta’ vetturi li ma jniġġsux.

Huwa qal li dawn il-250 vettura elettrika se jkunu qed jeliminaw aktar minn 370 vettura tradizzjonali mit-toroq Maltin li jaħdmu bid-diesel jew bil-fuel.

Il-Kap tal-Amministrazzjoni Pubblika Tony Sultana temm jgħid li s-Servizz Pubbliku mhux biss qed iħares biex dejjem itejjeb is-servizzi tiegħu lill-klijenti kollha imma wkoll li jagħti s-sehem tiegħu fl-impenji ta’ pajjiżna marbuta mal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan billi naraw li nnaqqsu dejjem iktar l-impatt tal-operat tagħna fuq l-ekoloġija.

Il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana żaru l-Expo fejn għal sena oħra ntwera l-progress kbir li għamlet l-Amministrazzjoni Pubblika f’dawn l-aħħar snin.

Il-Public Service Expo 2024 infetħet għall-pubbliku llum u tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ħadd li ġej.

FacebookTwitter
Skip to content