Appoġġ għall-bdiewa - fil-qalba tad-diskussjonijiet bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura Janusz Wojciechowski

PR240123

29/01/2024

F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja mal-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura Janusz Wojciechowski, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li fondi pubbliċi u oħrajn Ewropej qed jintużaw f’inizjattivi li jinvestu fil-bdiewa u fil-qalba favur metodi ekoloġiċi fis-settur tal-biedja. “Bosta skemi ġodda jinċentivaw prattiċi sostenibbli fis-settur agrikolu, qasam importanti li jiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel”, saħaq il-Prim Ministru hu u jinnota sfidi kurrenti bħall-gwerra fl-Ukrajna u l-kunflitt fil-Lvant Nofsani.

Bil-€190 miljun allokati għal Malta fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-Gvern Malti diġà introduċa numru ta’ skemi li jgħinu direttament lill-bdiewa, inklużi dawk żgħażagħ li qed jiġu imbuttati jaħdmu f’settur kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż. Fil-laqgħa mal-Kummissarju Wojciechowski, il-Prim Ministru rrimarka li d-deroga li għandu pajjiżna u li tagħti mat-€3 miljun hi importanti u jħares ’il quddiem li din tibqa’ fis-seħħ fil- Politika Agrikola Komuni li jmiss. Din magħrufa bħala l-CAP u tappoġġa lill-bdiewa anki quddiem sfidi klimatiċi.

Il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li anke fuq is-settur agrikolu, il-karatteristiċi partikolari ta’ kull Stat Membru għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni. “Dan kollu jiffaċilita n-negozjati, speċjalment dawk li jittrattaw il-flessibbiltà għall-Istati Membri”, saħaq Dr Abela. Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-Kummissarju Ewropew li rrikonoxxa l-isfidi ta’ pajjiżna fil-qasam u laqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed timbotta qafas mibni fuq għanijiet fit-tul marbuta mas-sostenibbiltà fil-qasam tal-agrikoltura.

Preżenti għal-laqgħa f’Kastilja kien hemm ukoll il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, Sharlo Camilleri, u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Glenn Micallef.

FacebookTwitter
Skip to content