Gvern li jikkonsulta kontinwament dwar bidliet li jkunu qed jitressqu ’l quddiem

PR240090

23/01/2024

Fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi ltaqa’ l-Kabinett tal-Ministri fejn it-Tlieta filgħodu sema’ l-esperjenzi tal-għaqdiet u tal-organizzazzjonijiet volontarji hekk kif il-Gvern ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika dokument dwar ir-riforma fis-settur tal-volontarjat u Non-Profit. Matul dan l-ewwel Kabinett għan-nies, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern qiegħed jikkonsulta kontinwament dwar bidliet li jkunu qed jitressqu ’l quddiem, ewlenin fosthom dwar din ir-riforma. “Qabel jibda l-Kabinett u nibdew niddiskutu dak li għandu joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika, saħansitra ridna nisimgħu direttament mingħand dawk involuti”, sostna l-Prim Ministru fil-preżenza ta’ numru ta’ għaqdiet volontarji ġejjin minn setturi varji, fosthom mill-qasam ambjentali, sportiv, kulturali u dawk li jaħdmu mat-tfal u maż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-Gvern li jiffaċilita l-ħidma tal-volontarjat mhux biss permezz tat-tisħiħ tal-appoġġ finanzjarju iżda anke permezz ta’ bidliet bżonnjużi immirati biex jinjettaw aktar enerġija u ħidma fis-settur tal-volontarjat. Elenka l-benefiċċji ta’ din ir-riforma, fosthom inqas burokrazija, iktar simplifikazzjoni ta’ proċessi li effettivament ifissru assistenza lill-għaqdiet volontarji iktar immedjata u fil-ħin.

“Il-Gvern iħares lejn is-settur tal-volontarjat bħala sieħeb strateġiku fl-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż. Turija ta’ dan huwa kif b’sens ta’ fiduċja, bħala Gvern, nissieħbu ma’ għadd ta’ għaqdiet fl-għoti ta’ servizzi li huma importanti għal pajjiżna”, saħaq Dr Abela. Tenna li din ir-riforma se tkun qed tmiss eluf ta’ persuni li jiġu bżonn xi servizz jew ieħor mingħand xi għaqda volontarja.

Dwar iċ-ċentri ta’ appoġġ għall-għaqdiet volontarji, il-Prim Ministru sostna li l-Gvern mhux biss qiegħed jagħti għajnuna fiskali iżda wkoll qed joffri spazju minn fejn ikunu jistgħu joperaw. Fil-fatt, fil-ġimgħat li ġejjin se jiżdied ċentru ta’ appoġġ ieħor f’Għawdex biex jingħaqad mat-tliet ċentri li diġà nfetħu f’Birkirkara, fir-Rabat u fil-Belt Valletta.

Id-dokument dwar ir-riforma fis-settur tal-volontarjat u Non-Profit se joħroġ għall-konsultazzjoni x-xahar id-dieħel.

FacebookTwitter
Skip to content