Il-Prim Ministru jinawgura l-Kumpless Sportiv tal-ogħla livell fil-Marsa

PR240075

19/01/2024

B’investiment ta’ €5.5 miljun, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, inawgura t-tielet fażi tal-proġett li se jwassal għal hub sportiv tal-ogħla livell fil-Marsa li mhux biss se tgawdi minnu l-komunità sportiva, imma wkoll il-pubbliku u s-segwaċi tal-isport f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett hija xhieda oħra ta’ kif dan hu Gvern li jwettaq dak li jwiegħed, bil-kelma li ta lill-atleti wara r-riżultat sabiħ tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, il-Gvern qiegħed isarrafha fi proġetti bħal dawn. Proġetti li jsegwu fost oħrajn dak tal-Pixxina Olimpika fin-Nofsinhar ta’ Malta. 

Sostna l-impenn tal-Gvern biex pajjiżna jkollu l-faċilitajiet sportivi ta’ standards internazzjonali biex kulħadd ikun jista’ jilħaq l-aspirazzjoni tiegħu. Biex l-isportivi jkunu jistgħu jilħqu l-livell li jmiss. Bil-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur hi li b’aktar riżultati fl-isport jolqot lil kull min b’xi mod jew ieħor jipprattika xi attività fiżika, filwaqt li ninvestu fl-eċċellenza. Iżda spjega li biex din il-viżjoni titwettaq jeħtieġ li jkollok pajjiż miexi ’l quddiem; b’ekonomija b’saħħitha li tinvesti f’nies pajjiżha, bi strateġija, bi pjan u b’riżorsi biex dik l-idea fuq karta twassalha għal proġett komplut u Gvern b’rieda b’saħħitha li jwettaq dak li jwiegħed.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għad-determinazzjoni tat-tfal li ltaqa’ magħhom f’dan il-kumpless sportiv matul l-inawgurazzjoni, u x-xewqa tagħhom li jimirħu fl-isport. Hawnhekk, tenna li l-Gvern se jibqa’ jinvesti fihom għax irridu li f’Malta jkunu jistgħu jaspiraw daqs kull tifel u tifla minn pajjiż ieħor. “Dak huwa li rridu għal uliedna, dak huwa r-riżultat tal-ħidma li qegħdin inwettqu biex din tkun il-garanzija li nagħtuhom.”

Ikkonkluda li din l-istess garanzija nagħtuha wkoll lill-komunitajiet tagħna, bi proġetti bħal dan,  li fit-tfassil tiegħu tħaddem il-prinċipju li mill-investiment fil-faċilitajiet il-ġodda, tgawdi wkoll il-komunità. Li llum minn binja li kienet ilha mitluqa mis-sena li nbniet fiha, għandha faċilità sportiva tal-ogħla livell flimkien ma’ multipurpose hall li tista’ tagħmel użu minnu. 

“B’din hi l-viżjoni tagħna għall-komunitajiet. Komunitajiet b’saħħithom, ħajjin, moqdija tajjeb, inklussivi, nodfa u sbieħ. Għalhekk, qegħdin ninvestu fil-komunitajiet iktar minn qatt qabel, hu x’inhu s-settur. Nemmen iżda, li s-settur sportiv lil hinn mill-faċilitajiet sportivi huwa wkoll riflessjoni tal-valuri u tal-aspirazzjonijiet li nħaddnu bħala komunità, bħala pajjiż. Irridu nkomplu nibnu Malta fejn l-isport mhux biss huwa karriera jew passatemp, imma jibqa’ wkoll sors ta’ kburija, ta’ għaqda nazzjonali u ta’ ispirazzjoni mhux biss għall-ġenerazzjonijiet tal-lum iżda anke għal dawk ta’ għada.”

Fix-xhur li għaddew kienu inawgurati diversi proġetti oħrajn, fosthom ir-restorazzjoni tal-binja tal-1903 li hija l-qalba tal-kumpless u l-istadium tal-atletika. Il-proġett li kien inawgurat illum qed jieħu post bini mitluq li kien inbena fl-1990 imma qatt ma kien utilizzat. Bl-investiment li sar, issa l-komunità sportiva ser tgawdi minn sala li tista’ tintuża għal diversi attivitajiet, padiljun modern ta’ 900 metru kwadru għall-ġinnastika u għal dixxiplini oħra li huwa mgħammar b’apparat modern u li jakkomoda wkoll 300 spettatur. Il-kumpless għandu wkoll sala tal-fitness tal-ogħla livell, uffiċini li se jintużaw kemm minn SportMalta kif ukoll minn diversi assoċjazzjonijiet tal-isport, dressing rooms u faċilitajiet anċillari oħra.

Il-Ministru Clifton Grima ta ħarsa lejn il-ħidma li qed issir b’investiment bla preċendent f’dan il-hub sportiv, parti minn pjan nazzjonali għal dan is-settur u qal, “Hija parti mill-viżjoni tagħna li nagħmlu minn dan il-kumpless hub sportiv, li jiġbor fih faċilitajiet għal diversi dixxiplini sportivi u tal-aqwa livell. Viżjoni li permezz tagħha qed nimmiraw li pajjiżna jkollu faċilitajiet sportivi ta’ standards internazzjonali li jservu ta’ sisien għall-industrija tal-isport. B’hekk, mhux biss inkomplu npoġġu isem pajjiżna fuq il-mappa sportiva dinjija, imma nattiraw investiment lejn pajjiżna, anki permezz tat-turiżmu sportiv.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, qal li f’dawn l-aħħar għaxar snin, SportMalta kibret, f’dawk li huma faċilitajiet u riżorsi umani, kemm bħala taħriġ kif ukoll bħala għarfien. “SportMalta ħarset bi sħiħ lejn l-istrateġija preżenti, li wieħed mill-fundamenti tagħha huwa l-faċilitajiet sportivi, u qed tiżviluppa dawn il-pjanijiet f’realtà tal-aqwa livell sabiex takkomoda atleti ta’ diversi dixxiplini, lill-għaqdiet sportivi u lill-pubbliku inġenerali.”

Huwa l-għan tal-Gvern li jkompli jwettaq flimkien mal-partijiet kollha fis-settur biex anke s-settur sportiv ikun wieħed li joffri kull opportunità possibbli għall-atleti u għall-isportivi biex huma wkoll jilħqu l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Dan huwa proġett ieħor minn lista ta’ proġetti ta’ infrastruttura sportiva li qed isiru madwar il-gżejjer, bħala parti minn viżjoni ambizzjuża li qed titwettaq, li qed twassal għal faċilitajiet sportivi aċċessibbli għal kulħadd.

Qabel ma kien inawgurat, kien hemm esebizzjoni mill-Akkademja tal-Programm On The Move, programm li jibni fuq dik li kienet Skolasport mibdija snin ilu minn Fr Hilary Tagliaferro.

FacebookTwitter
Skip to content