Iffirmat ftehim li se jfisser stabbiltà fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali tal-ikel

PR240065

18/01/2024

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern, sidien ta’ supermarkets u importaturi tal-ikel dwar stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel. F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, ġie mħabbar ftehim li se jfisser stabbiltà fil-prezzijiet ta’ 15-il kategorija ta’ ikel essenzjali, li jfisser garanzija li l-prezz ta’ madwar 400 prodott mhux se jogħla sa meta l-Gvern jasal biex jippreżenta l-Budget għas-sena li ġejja. Il-ftehim iffirmat se jidħol fis-seħħ mill-bidu ta’ Frar li ġej.

“Se nagħtu stabbiltà f’qasam fejn qabel il-familji ma kinux qed jaħsbu li se jkollna”, spjega l-Prim Ministru fuq inizjattiva xprunata mill-Gvern bi ftehim li qed tara roħs ta’ 15% fuq il-prezz rakkomandat li jinbiegħ il-prodott partikolari. Dan se jwassal biex il-familji jkollhom iċ-ċertezza li r-realtà preżenti li prodott jogħla fil-prezz minn żmien għal żmien, issa se jibqa’ bi prezz stabbli għal diversi xhur.

“Qed nagħtu serħan il-moħħ li sal-Budget, il-prezz ta’ prodotti essenzjali li jeħtieġu ta’ kuljum il-familji mhux se jerġa’ jiżdied”, sostna l-Prim Ministru hu u jinnota wkoll l-parti li qed jagħmlu l-importaturi u s-sidien tas-supermarkets frott anki djalogu u diskussjonijiet miftuħa li qed jagħtu messaġġ qawwi favur aktar fiduċja fis-suq mill-konsumaturi. Il-Prim Ministru Abela fisser din l-inizjattiva bħala spinta oħra lejn il-purchasing power tal-familji f’kuntest ta’ pajjiż li l-esperti jiċċertifikawh bħala dak li għandu l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-politika ta’ stabbiltà, ċertezza u serħan il-moħħ se jibqa’ jħaddanha permezz ta’ miżuri oħra importanti bħall-għajnuna fil-qasam tal-enerġija, l-implimentazzjoni ta’ Budget soċjali u mingħajr taxxi introdotti. Dan fl-istess waqt li l-Gvern qed ikompli jtejjeb il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna filwaqt li jippremja u jappoġġja l-bżulija, il-ħila u l-innovazzjoni tan-negozji.

Fi preżentazzjoni li ta l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri ġie spjegat kif wara li sar studju dwar liema huma l-prodotti tal-ikel l-aktar kkonsmati f’pajjiżna, saret lista ta’ 15-il kategorija ta’ ikel u minn hemm bdew numru ta’ laqgħat mas-settur privat. “Huwa ta’ sodisfazzjon illum li nara tant uċuh familjari, ta’ importaturi u sidien ta’ stabbilimenti kbar li jbigħu prodotti tal-ikel, li lkoll qegħdin hawn għal għan wieħed. Kollha nifhmu li għandna bżonn nagħmlu l-almu tagħna biex inżommu kemm jista’ jkun il-prezzijiet stabbli, biex ma nħallux l-inflazzjoni tkompli togħla u tkun ta’ piż fuq il-familji tagħna, il-konsumaturi tagħkom”, qal il-Ministru Silvio Schembri hu u jinnota ġimgħat ta’ diskussjonijiet intensivi li wasslu għall-ftehim.

“Nifhmu li l-ħwienet iż-żgħar tal-merċa ma jistgħux jikkompetu ma’ stabbilimenti ferm akbar, iżda nemmnu f’din l-inizjattiva u biex l-impatt tagħha verament jinħass minn kulħadd għandna bżonn li anke dawn il-ħwienet jingħaqdu magħna. Għaldaqstant għas-sidien ta’ ħwienet żgħar li jingħaqdu fl-iskema se jkun hemm għotja ta’ €125 għal kull xahar li se jissieħbu fl-inizjattiva. Fil-fatt dawk il-ħwienet li huma interessati jkunu parti minn dan il-ftehim jistgħu jagħmlu dan billi jidħlu fis-sit tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi u jimlew formola apposta.

L-istabbilimenti u l-prodotti li se jkunu qed jagħmlu parti minn din l-inizjattiva se jkunu jistgħu jingħarfu minn tabelli apposta bil-logo ta’ Stabbiltà. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit ekonomija.gov.mt jew fuq freephone 153.

FacebookTwitter
Skip to content