Is-Suq Waħdieni jrid ikun ġust u ta’ kulħadd – Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa ma’ Enrico Letta

PR240009

08/01/2024

Meta laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja lill-eks Prim Ministru Taljan u l-persuna inkarigata mill-Presidenzi Żvediża, Belġjana u Spanjola tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea biex tħejji rapport dwar il-futur tas-Suq Waħdieni fl-Unjoni Ewropea f’għeluq it-tletin sena mit-twaqqif tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom igawdu b’mod sħiħ mill-benefiċċji tas-Suq Waħdieni mingħajr ma jinħolqu distinzjonijiet u żvantaġġi.

Primarjament semma l-importanza tal-konnettività għal pajjiż fil-periferija bħal Malta, filwaqt li aċċenna dwar il-bżonn ta’ kundizzjonijiet li jiggarantixxu ekwità fis-Suq Waħdieni fosthom għal aċċess mingħajr xkiel għal mediċini. Dr Abela qal li fil-qasam tal-farmaċewtika għandhom jiġu indirizzati kwistjonijiet regolatorji biex jiġi assigurat aċċess ġust għall-mediċini għal kulħadd. Il-Prim Ministru Abela rrimarka fuq il-ħtieġa ta’ li nħarsu l-kompetittività ta’ intrapriżi żgħar u medji, li huma s-sinsla tal-ekonomiji tagħna, biex ikomplu jimirħu u jimxu ’l quddiem fis-Suq Waħdieni u jimbuttaw tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ x-xogħol li qed jagħmel Letta billi mistenni jħejji rapport komprensiv frott diskussjonijiet mhux biss mal-istituzzjonijiet Ewropej iżda anki b’taħdidiet mal-Gvernijiet rispettivi tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward il-Prim Ministru Abela tenna l-ħtieġa ta’ leġislazzjoni aħjar li tqis l-impatt fuq kull Stat Membru u li fl-analiżi tal-impatt tikkunsidra il-ħtiġijiet ta’ kulħadd.  Hawn semma bħala eżempji leġislazzjonijiet ambjentali riċenti bħad-Direttiva Ewropea FIT for 55 u l-Pakkett ta’ Mobbiltà, b’parti minn dan tal-aħħar reċentement dikjarat f’opinjoni tal-Avukat Ġenerali quddiem il-Qrati tal-Unjoni Ewropew bħala żball li għandu jiġi null. Għalhekk il-Prim Ministru qal li hemm ħtieġa ta’ proċess leġislattiv aħjar li jqis każijiet partikolari ta’ Stati Membri bħal Malta.

Fil-laqgħa ma’ Letta, Dr Abela qal li l-flessibbiltà f’għajnuna mill-Istat f’setturi kritiċi bħat-trasport, il-konnettività diġitali u l-enerġija fost oħrajn tibqa’ importanti flimkien mar-rispett lejn il-kompetenza nazzjonali fil-politika tat-tassazzjoni. Il-Prim Ministru nnota wkoll l-importanza ta’ rispett lejn il-prinċipju Ewropew ta’ suq ħieles tas-servizzi, biex b’hekk l-Unjoni Ewropea tkun kompetittiva f’oqsma oħra bħall-gaming.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jirrimarka li ħidmet Letta fit-tħejjija ta’ rapport dwar il-futur tas-Suq Waħdieni hi kruċjali għall-viżjoni strateġika u ekonomika tal-Unjoni Ewropea għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.

FacebookTwitter
Skip to content