Investiment multimiljunarju mill-ajruport f’xhieda oħra ta’ fiduċja f’pajjiżna

PR231880

29/11/2023

• Il-Prim Ministru Robert Abela jinnota r-riżultati li qed tikseb Malta u jtenni l-appoġġ għal investimenti li jagħtu importanza lill-aspett ambjentali

Il-Prim Ministru Robert Abela attenda għat-tnedija ta’ investiment multimiljunarju li se jibdel l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Fl-ewwel fażi ta’ dan l-investiment hemm mal-kwart ta’ biljun ewro ddedikati għal proġett li jinkludi fost oħrajn medda ta’ art għall-użu ta’ enerġija rinnovabbli ġejja minn pannelli fotovoltajiċi li se jfisser li l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa aktar milli se jirdoppja. Dan apparti xogħol ieħor fis-sistema tad-dawl fl-ajruport li se ttejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

“L-investiment privat mill-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mhuwiex biss ta’ kwalità għaliex għandu l-għan li jtejjeb l-esperjenza tal-passiġġiera iżda huwa investiment li jagħti prijorità lill-miri ambjentali li għandu pajjiżna biex jikseb in-newtralità tal-karbonju.” Dan kien prinċipju ewlieni fil-messaġġ li għadda l-Prim Ministru waqt it-tnedija ta’ dan l-investiment li juri att ieħor ta’ fiduċja f’pajjiżna. 

Il-Prim Ministru Abela saħaq li d-direzzjoni ċara li qed nagħtu hija favur investimenti li jħaddnu l-prijoritajiet il-ġodda marbuta mal-qalbiet ambjentali fost oħrajn. “Irridu nibqgħu nimbuttaw għal tkabbir iffukat fuq dak li għandu fih valur miżjud u li hu sostenibbli għaliex dan huwa dak li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u joħloq prosperità ġdida”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Dr Abela nnota li l-fiduċja fil-viżjoni ekonomika li għandu pajjiżna ġejja fi żmien fejn l-ekonomija Maltija kompliet tikber anki aktar minn dak previst. “Bħala pajjiż qed naraw lill-esperti jgħidu li Malta mistennija tesperjenza l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa għaż-żmien li ġej. Filwaqt li din l-aħbar tajba nilqgħuha, jeħtieġ nibqgħu nevolvu biex nibqgħu nagħmlu suċċess”, qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Abela saħaq ukoll fuq id-deċiżjoni strateġika li biha l-Gvern jibqa’ jipproteġi lin-nies iżda anki jixpruna l-konsum privat fosthom fl-ivvjaġġar. Dan b’rabta mal-għajnuna kbira favur prezzijiet stabbli tal-enerġija. Innota li wara sentejn ta’ pandemija u gwerra fl-Ukrajna, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-moviment tal-passiġġiera diġà qabeż iċ-ċifri rekord ta’ qabel il-pandemija, sentejn qabel mistenni.

FacebookTwitter
Skip to content