Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura klinika tad-dentistrija f’Għawdex, li toffri tagħlim lil studenti universitarji u servizz lill-komunità

PR231648

21/10/2023

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura klinika tad-dentistrija f’Għajnsielem, Għawdex, li b’apparat tal-ogħla livell qiegħda ttejjeb l-esperjenza edukattiva għall-istudenti tal-Fakultà tad-Dentistrija fl-Università ta’ Malta filwaqt li l-komunità qed tgawdi minn servizz tal-ogħla livell b’numru ta’ servizzi jingħataw mingħajr ħlas. 


Il-Prim Ministru rrimarka kif dan il-proġett jirrifletti l-prinċipji li qegħdin jiggwidaw lill-Gvern, f’kull deċiżjoni li jieħu. Dan għaliex, b’ekonomija b’saħħitha qegħdin inwettqu proġetti tal-ogħla livell bħal dawn, li huma investiment fl-esperjenza edukattiva tal-istudenti universitarji tagħna, li mbagħad dik l-esperjenza qegħdin insarrfuha fil-komunitajiet tagħna. B’Għawdex illum hija gżira tal-opportunitajiet li bil-viżjoni li qegħdin nimplimentaw għall-ġid tal-komunità se tkompli toffri edukazzjoni ta’ livell u karriera ta’ kwalità għall-Għawdxin. 

B’dan l-investiment, li jiżboq iż-€2 miljun, huwa mgħammar b’apparat tal-aħħar teknoloġija, ħdax-il siġġu dentali u minnu l-istudenti universitarji qegħdin joffru firxa estensiva ta’ servizzi lil kulħadd, minn tfal tal-iskola sa anzjani. B’din l-esperjenza edukattiva, gwidata mill-akkademiċi tal-Fakultà tad-Dentistrija fl-Università ta’ Malta, qegħdin jattendu din il-klinika matul is-sena akkademika tagħhom u joffru dawn is-servizzi kliniċi lill-pubbliku kollu, mit-Tnejn sal-Ġimgħa. 

Matul din iż-żjara, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, il-Prim Ministru rrefera għall-benefiċċji u opportunitajiet li se nkomplu noħolqu b’kollaborazzjonijiet bħal dawn, mal-entitajiet edukattivi,

Preżenti għaż-żjara kien hemm ukoll ir-Rettur tal-Università ta’ Malta Prof. Alfred J. Vella u d-Dekan tal-Fakultà tad-Dentistrija Prof. Nikolai J. Attard u l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma.

FacebookTwitter
Skip to content