Deċiżjonijiet kuraġġużi għal turiżmu sostenibbli u ta’ kwalità

PR231636

19/10/2023

Fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-lukandi u r-ristoranti f’pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela insista li biex pajjiżna jkollu turiżmu sostenibbli u ta’ kwalità jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi u ambizzjużi. Huwa qal dan matul laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget mal-Assoċjazzjoni għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, hekk kif iddiskutew is-settur turistiku u r-riformi li se jidħlu fis-seħħ fiż-żmien li ġej.

Dr Abela qal li llum nistgħu nitkellmu fuq turiżmu ta’ kwalità għaliex irkuprajna b’saħħa wara l-pandemija. Qal li issa, biex ninvestu fil-kwalità, ma nistgħux nagħtu xokkijiet lis-settur u għalhekk li l-Gvern se jibqa’ jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Il-Prim Ministru ddeskriva din id-deċiżjoni bħala kruċjali għall-operat tal-lukandi u r-ristoranti f’pajjiżna. Semma l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema f’dan is-settur u kif dan se jwassal għal kwalità fis-servizz mogħti fl-industrija. Hawnhekk irrefera għar-riforma tal-iSkills Passport li se tkun qed tassigura dan. Fil-fatt deċiżjoni li ħa l-Kabinett se tfisser li ħaddiema fis-settur turistiku jgħaddu minn kors speċifiku qabel jingħataw permess biex jaħdmu f’pajjiżna u dan bil-għan ukoll li nsaħħu l-prodott Malti u Għawdxi offrut lit-turisti u lill-konsumaturi f’pajjiżna. Dwar il-linja nazzjonali tal-ajru qal li anke hawn ittieħdu d-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu. “Kellna l-kuraġġ li nieħdu d-deċiżjonijiet fl-interess ta’ pajjiżna,” saħaq Dr Abela.

Aspett ieħor tal-kwalità fis-settur turistiku huwa ż-żamma tal-pajjiż. Hawnhekk il-Prim Ministru ħabbar li biex il-prodott turistiku jkompli jitjieb se jsir investiment kapitali ta’ €5 miljun f’fondi Ewropej f’makkinarju tat-tindif. B’hekk il-kwalità tkun preżenti mhux biss fl-għoti tas-servizz imma fil-post li fih jingħata s-servizz.

Intant, f’laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni, din id-darba mal-Union Ħaddiema Magħqudin, ukoll ġie diskuss it-tisħiħ tas-suq tax-xogħol. “Qed naħdmu fuq miżuri short-term  u oħrajn long-term biex il-ħaddiema tagħna jkollhom il-ħiliet neċessarji, filwaqt li nżommu r-rata tal-qgħad fost l-inqas fiż-żona ewro,” qal il-Prim Ministru. Qal li l-Budget li ġej se jkun wieħed ta’ konsolidament, fejn se jkompli jsaħħaħ l-ekonomija, se jkompli jkun ta’ sostenn għan-negozji u se jibqa’ jwieżen lill-ħaddiema u lill-familji.

Għal-laqgħat ta’ konsultazzjoni attendew id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u d-Deputati tal-Gvern Ray Abela u Davina Sammut Hili.

FacebookTwitter
Skip to content