Malta ċentru ta’ żviluppi teknoloġiċi ta’ servizz u tal-aqwa kura – il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza The Malta Med-Tech World Summit

PR231628

19/10/2023

Meta żar The Malta Med-Tech World Summit u indirizza fost oħrajn lil bosta investituri u kapijiet eżekuttivi ta’ kumpaniji tat-teknoloġija fil-qasam mediku, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li Malta għandha tkun ċentru għall-innovazzjoni fis-settur tat-teknoloġija marbuta mal-aspett mediku biex igawdu n-nies fil-komunità u l-industrija nnifisha. Il-Prim Ministru qal li dan jgħidu għax pajjiżna għandu bażi soda f’dan l-aspett permezz ta’ investiment kontinwu fil-qasam tas-saħħa u l-infrastruttura teknoloġija ta’ servizz mill-aqwa għall-pazjenti.​​

Dr Abela nnota li s-settur tal-Med-Tech huwa niċċa ekonomika oħra f’pajjiżna. Qal li Malta għaddejja minn qalba diġitali li anki se twassal għal qabża f’servizzi diġitali marbuta mas-saħħa magħrufa bħala eHealth. Il-Prim Ministru sostna li pajjiżna jilqa’ investituri b’kumpaniji speċjalizzati u innovattivi li bis-servizz tagħhom anki jagħtu l-aqwa kwalità tal-ħajja liċ-ċittadini. “Aħna nemmnu li l-kura tas-saħħa mhix privileġġ iżda dritt garantit għal kull ċittadin u għalhekk se nibqgħu ninvestu biex nagħtu l-aqwa kura ta’ kwalità għan-nies”, qal il-Prim Ministru Abela hu u jirrimarka kif il-Med-tech hija opportunità kemm għal min qed ifittex karriera ta’ kwalità u għall-pazjent.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li Malta trid tkun fuq quddiem fl-innovazzjoni marbut anki mas-settur mediku. Il-Prim Ministru nnota li f’pajjiżna dan diġà qed iseħħ anki permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-farmaċewtika u fis-sistema tar-robotika f’operazzjonijiet li qed isiru fl-Isptar Mater Dei. Qal li l-fatt li pajjiżna jirrispondi b’mod effettiv ħafna lejn qafas regolatorju dinamiku f’din l-industrija jfisser mhux biss li Malta hi miftuħa biex toffri l-aqwa ambjent għal dan l-investiment emerġenti iżda anki juri wkoll li pajjiżna jissalvagwardja l-kwalità tal-prodott marbut mal-aspett tal-innovazzjoni u t-teknoloġija fis-settur mediku. Hawn innota s-sehem tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini. 

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jirrimarka wkoll li pajjiżna qed iwassal għal professjonisti ta’ kwalità fl-aspett mediku permezz tal-Università ta’ Malta u l-kampus f’Għawdex ta’ Queen Mary University of London.

FacebookTwitter
Skip to content