Il-Prim Ministru Robert Abela jżur proġett fil-komunità ta’ Ħal Għaxaq

PR231623

18/10/2023

​Proġetti fil-qalba tal-komunitajiet li jagħmlu differenza fil-ħajja soċjali u kulturali tar-residenti se jibqgħu jsibu l-appoġġ tal-Gvern. U mill-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej sa minn meta sirna stati membri tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ ikunu appoġġjati wkoll inizjattivi ta’ dan it-tip li jinvestu f’oqsma li joffru rilassament lill-komunità, filwaqt li jħarsu s-sabiħ tal-ħajja fl-irħula.

Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel lill-Klabb tal-Boċċi ta’ Ħal Għaxaq, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett. Żjara li matulha seta’ jara l-proġetti li wettaq dan il-klabb, permezz ta’ fondi Ewropej, fosthom it-titjib u rinnovar tal-faċilitajiet tal-klabb.

Il-Prim Ministru rrimarka li proġetti bħal dawn fil-qalba tal-komunità, qegħdin jissarrfu f’ambjent aqwa fil-bliet u rħula tagħna, biex il-komunità tgawdi minn ambjent iktar komdu u tkompli ssaħħaħ u tippreserva dak li jagħmilna Maltin, it-tradizzjonijiet li jagħmlu lil Malta unika.

Il-Prim Ministru ħa wkoll l-okkażjoni biex jitkellem ma’ dawk miġbura dwar diversi temi, biex hekk issokta jisma’ mingħand interessi differenti dwar xi jridu għall-komunitajiet tagħhom.

F’dan il-każ, bil-proġetti li wettaq il-Klabb tal-Boċċi ta’ Ħal Għaxaq, saħħaħ l-identità kulturali u tal-isport tradizzjonali tal-logħob tal-boċċi.

Fil-fatt, bix-xogħlijiet li wettqu, dawk li jiffurmaw parti minn dan il-klabb jistgħu jipprattikaw dan it-tip ta’ sport kemm fis-sajf u kemm fix-xitwa, permezz ta’ pergola li tipproteġi lill-plejers mill-elementi, filwaqt li dawk midħla ta’ dan l-isport u li jmorru jsegwu l-logħob issa jistgħu jagħmlu dan fi spazju rinovat.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li huwa għalhekk li l-ħidma favur Malta ma’ taqta’ xejn, biex ikunu l-Għawdxin u l-Maltin li jaħsdu l-frott tar-riżultati li jikseb dan il-Gvern.

Il-Programm LEADER, li huwa ffinanzjat permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, jiffinanzja proġetti fil-komunitajiet rurali li jirriflettu l-bżonnijiet uniċi tagħhom. Dan bil-għan li l-pajjiż jindirizza wkoll il-bżonnijiet lokali, li jikkumplimentaw il-ħidma u l-politika li tkun qed titħaddem fuq livell nazzjonali.

FacebookTwitter
Skip to content