L-investiment fl-edukazzjoni huwa għodda għall-karrieri ta’ kwalità – il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-istudenti tal-Junior College u l-ITS

PR231516

04/10/2023

Il-Prim Ministru Robert Abela kompla b’aktar żjarat f’istituzzjonijiet edukattivi hekk kif bdiet is-sena akkademika jew dik vokazzjonali. Fil-Junior College Ġian Franġisk Abela fl-Imsida, il-Prim Ministru Abela ltaqa’ ma’ għadd ta’ studenti fosthom dawk li bdew esperjenza ġdida fil-post-sekondarja.

Fiż-żjara tiegħu akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti u d-Deputat tal-Gvern Abigail Camilleri, il-Prim Ministru Robert Abela wassal messaġġ importanti li ż-żgħażagħ iridu jkunu l-protagonisti li jaħtfu l-aqwa opportunitajiet li l-pajjiż qed joffri fi żmien ta’ tranżizzjoni ambjentali u anki diġitali. Fil-freshers’ week tal-Junior College, Dr Abela saħaq li bil-ġid komuni nifhmu wkoll li l-investiment fl-edukazzjoni jkun għodda li jagħti ħiliet ġodda biex l-istudenti jieħdu l-aqwa biex meta jkunu fis-settur tax-xogħol ikollhom karrieri li jġibu kwalità ta’ ħajja għax joffrulhom l-aqwa kundizzjonijiet u dħul b’saħħtu għalihom u l-familji tagħhom.

Meta mbagħad żar l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif hawnhekk qed isir xogħol imprezzabbli biex l-istudenti jkunu mħejjija jaħdmu f’qasam ukoll tant importanti għall-pajjiżna. Irrefera għall-investiment multi-miljunarju fil-kampus il-ġdid tal-ITS fi Smart City hu u jirrimarka li l-qasam tal-ospitalità wera kemm hu importanti għall-ekonomija tal-pajjiż iżda Malta teħtieġ tkompli tagħmel il-pass li jmiss, dak li jkollha enfasi iżjed fuq il-kwalità marbuta mal-prodott turistiku ta’ Malta u Għawdex. Qal li l-investiment fl-istudenti jrid ikun rifless ukoll f’karrieri ta’ kwalità f’qasam li jrid joffri ambjent isbaħ u nadif għat-turisti u l-Maltin f’pajjiżna.

Fiż-żjara fl-ITS kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u d-Deputat tal-Gvern Katya De Giovanni jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela. Matul din is-sena akkademika fil-Junior College hemm mal-elfejn student filwaqt li fl-ITS daħlu aktar minn sitt mitt student jistudjaw. Dan apparti żieda notevoli ta’ studenti li qed jistudjaw f’livell ta’ Masters f’International Hospitality Management u Baċċellerat fl-Arti Kulinarja fost oħrajn.​

FacebookTwitter
Skip to content