In-nies u l-kwalità tal-ħajja tagħhom jibqgħu l-qofol ta’ ħidmietna – il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza parti mill-Kungress tal-GWU

PR231515

04/10/2023

Il-qofol f’ħidmietna jibqgħu n-nies fejn ikun hemm triq li teħodhom ‘il quddiem u mhux treġġahom lura. Dan kien il-messaġġ importanti li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta indirizza konferenza internazzjonali, parti mill-Kungress li qed jitlaqqa’ wkoll fl-okkażjoni tat-80 anniversarju mit-twaqqif tal-General Workers’ Union. Il-Prim Ministru Robert Abela nnota bidliet kbar li saru fejn il-GWU kienet fuq quddiem biex ittejjeb il-qagħda tal-ħaddiema. Saħaq li d-dinja tinbidel iżda l-prinċipji jibqgħu dejjem fosthom dħul diċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol mill-aqwa għall-ħaddiema, għajxien aħjar għall-familji u l-ġid jitqassam b’ġustizzja ma’ kulħadd.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li tul is-snin il-qagħda inbidlet għall-aħjar mhux b’kumbinazzjoni iżda għax il-pajjiż kellu forzi progressivi b’saħħithom imexxuh. Dr Abela fisser il-GWU bħala moviment soċjali li anki biddel għall-aħjar ir-rikonoxximent lejn il-ħaddiem. “Kull bniedem għandu dritt li jgawdi ħajja diċenti u f’saħħtu u daqstant ieħor għandu jkollu aċċess għal kemm jista’ jkun opportunitajiet biex itejjeb il-qagħda tiegħu”, saħaq il-Prim Ministru hu u jinnota kif waqt pandemija, il-Gvern ma qatax għad-dritt bħala ma ġara fi kriżi ferm iżgħar, jiġifieri dik tal-2008. Minflok il-Gvern tassew poġġa lin-nies fiċ-ċentru ta’ ħidmietu u waqt pandemija ssalvagwardja l-għajxien ta’ eluf ta’ ħaddiema u beża’ għal xogħolhom.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li kieku ta’ qabilna ma emmnux li għada jista’ jkun aħjar kieku llum mhux qed ngħixu l-ħolma tagħhom. “Aħna nirtu dik il-ħeġġa u l-ispirtu li nibqgħu nħarsu ‘l quddiem b’deċiżjonijiet importanti li fih inġibu s-sigurtà fejn hemm l-insigurtà”, qal Dr Abela. B’dan il-Prim Ministru ried ifisser li bħala pajjiż ma ningħalqux ġewwa fina iżda nġibu bidla li tirkeb fuq il-qalbiet diġitali u ambjentali, iċ-ċentru tal-viżjoni tal-Gvern.

Il-Prim Ministru rrimarka li l-ħajja tal-ħaddiema ma tintemmx hekk kif dawn jirtiraw u huwa għalhekk li l-prinċipju tal-welfare state huwa importanti u mħaddan mill-Gvern għax dan irid jibqa’ jagħti d-dinjità anki lill-pensjonanti. Fuq kollox il-Prim Ministru nnota li l-GWU tibqa’ tkun sieħeb importanti fid-djalogu soċjali li jagħti futur sabiħ lill-uliedna f’oqsma li kulħadd imiss magħhom fil-ħajja bħall-ambjent, l-ugwaljanza, ix-xogħol u l-mistrieħ. “Fi ftit kliem, dak kollu li jdur mal-kwalità tal-ħajja”, aċċenna l-Prim Ministru Abela hu u jisħaq fuq li tkompli tissaħħaħ Malta.

Intant qabel l-indirizz tiegħu, fil-Workers’ Memorial Building, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Oliver Röpke. Fil-laqgħa ġiet diskussa l-importanza tad-djalogu soċjali u anki l-involviment taż-żgħażagħ fih. Fil-laqgħa attenda wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.​

FacebookTwitter
Skip to content