Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-istudenti meta żar il-Freshers’ Week tal-Università

PR231508

03/10/2023

Waqt li żar il-Freshers’ Week fil-kampus tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ bosta studenti u rappreżentanti tal-għaqdiet studenteski li laqgħu lill-istudenti fuq l-istands armati fl-Università fil-bidu ta’ sena akkademika oħra.

Il-Prim Ministru Abela nnota l-ħidma li ssir mill-għaqdiet u ħeġġiġhom favur attiviżmu li jagħmel il-ġid fil-komunità. Il-Prim Ministru ħeġġeġ liż-żgħażagħ u lil dawk li qed jistudjaw biex ikunu katalisti tal-prijoritajiet il-ġodda li għandu pajjiżna fosthom il-qalbiet ambjentali u diġitali. Qal li l-opportunitajiet li qed jinħolqu f’pajjiżna u li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar qegħdin hemm għall-istudenti Maltin u Għawdxin. “B’ħidmietna qed nagħtu direzzjoni li nsaħħu l-istipendji f’korsijiet u f’oqsma meħtieġa għall-pajjiż u li jagħtu karrieri ta’ kwalità għaż-żgħażagħ tagħna”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħat sbieħ li kellu mal-istudenti fl-Università.

F’din is-sena akkademika, fl-Università komplew jiżdiedu iżjed korsijiet u daħlu 4,900 student ġdid. 2,700 minnhom daħlu għal korsijiet ta’ baċellerat jew diplomi filwaqt li 1,500 student bdew jistudjaw f’kors ta’ wara l-baċellerat pereżempju f’korsijiet f’livell maġisteru jew dottorat. B’kollox f’din is-sena akkademika hemm mat-12,400 student jistudjaw għal kważi 1,000 kors offrut mill-akkademiċi fl-Università ta’ Malta.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fiż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, id-Deputat tal-Gvern Cressida Galea, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella u l-President tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), Jeremy Mifsud Bonnici.

FacebookTwitter
Skip to content