Malta se jkollha linja nazzjonali tal-ajru b’saħħitha

PR231502

02/10/2023

​​Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar linja nazzjonali tal-ajru Maltija, f’konferenza tal-aħbarijiet. “L-ajruplan bil-kuluri ta’ Malta, tal-linja nazzjonali tal-ajru ta’ pajjiżna, kien, għadu u se jibqa’ jtir,” irrimarka fil-bidu tal-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru Abela spjega kif pajjiżna se jkollu linja nazzjonali tal-ajru iktar b’saħħitha, li tagħmel il-qligħ u li taqdi l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru spjega kif il-kumpanija l-ġdida mistennija tibda bl-operat tagħha fil-31 ta’ Marzu li ġej, se jkollha flotta ta’ tmien ajruplani kif għandha l-linja nazzjonali tal-ajru preżenti. Dan anki wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea fejn il-Gvern Malti, saħaq u aċċenna fuq li jżomm flotta ta’ tmien ajruplani u biż-żamma tal-iktar rotot b’saħħithom minn u lejn Malta.

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru spjega kif kien hemm negozjati u diskussjonijiet intensivi mal-Kummissjoni Ewropea u l-għanijiet li poġġa l-Gvern Malti fl-interess ta’ pajjiżna ntlaħqu. Qal li l-interess ta’ pajjiżna hu li Malta jkollha linja nazzjonali tal-ajru b’saħħitha u li taħdem b’mod sostenibbli. “Illum irrid nitkellem dwar l-interess ta’ Malta u l-futur u mhux nipponta s-swaba’ lejn dak li kellu jsir aħjar fil-passat,” irrimarka l-Prim Ministru Robert Abela hu u jispjega kif il-Gvern qed jikkommetti investiment għat-twaqqif ta’ linja nazzjonali tal-ajru ġdida li se żżomm l-istess numru ta’ ħaddiema li għandha llum. Ħaddiema li se jkollhom karriera ta’ kwalità b’ċertezza u stabbiltà.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, qal li l-Gvern u l-Kummissjoni Ewropea ilhom għaddejjin f’diskussjonijiet u negozjati kumplessi dwar il-linja nazzjonali tal-ajru ta’ pajjiżna. “Matul id-diskussjonijiet u n-negozjati tagħna mal-Kummissjoni Ewropea dejjem insistejt fuq l-importanza li pajjiżna jkollu linja nazzjonali tal-ajru. Aħna nqisu li l-linja nazzjonali tal-ajru tagħna hija parti kruċjali mill-infrastruttura tal-gżejjer tagħna u l-konnettività bl-ajru li tipprovdi l-linja nazzjonali tal-ajru, hija marbuta b’mod inseparabbli mat-tkabbir ekonomiku u s-suċċess ta’ pajjiżna. Il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida se tibni fuq il-ħafna tajjeb tal-Air Malta, iżda b’enfasi qawwija fuq is-sostenibbiltà finanzjarja fit-tul”, saħaq il-Ministru Caruana.

Il-brand ‘Air Malta’ hija tal-Gvern Malti, u l-kumpanija l-ġdida se tara li tkun f’pożizzjoni b’saħħitha li tikkompeti għal dan il-brand. L-ajruplani tal-flotta tal-linja tal-ajru nazzjonali l-ġdida se jkunu tat-tip Airbus 320 NEO fejn l-operat tagħhom huwa wkoll sostenibbli u konformi mal-miżuri ambjentali. Il-linja nazzjonali tal-ajru preżenti se tibqa’ ttir sat-30 ta’ Marzu 2024 u l-konsumaturi jistgħu jaqtgħu l-biljetti tal-ajru b’mod normali. Titjiriet mill-għada tad-data msemmija se jsiru mil-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida.

FacebookTwitter
Skip to content