Bidliet li jkomplu jsaħħu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna – il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €25 miljun f’lukanda ġdida

PR230774

24/05/2023

“Il-bidliet li qed inkomplu nġibu f’pajjiżna rridu nagħmluhom ukoll biex nibqgħu ngħollu l-livell tal-prodott turistiku.” Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta żar investiment ta’ €25 miljun f’lukanda ġdida f’San Ġiljan. Fil-fatt saħaq li rridu nibqgħu nħarsu lejn tkabbir li jkun sostenibbli b’viżjoni ċara għas-settur turistiku biex ikunu attirati lejn Malta turisti ta’ kwalità f’ambjent isbaħ u nadif f’pajjiżna.

Fiż-żjara fil-lukanda AC Hotel by Marriott, li bdiet tilqa’ l-ewwel turisti, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Gvern se jibqa’ jagħti l-appoġġ li jġib ċertezza u stabbiltà anki fost dawk li qed jinvestu f’pajjiżna. Dan anki permezz tal-għajnuna kbira li qed tingħata fuq l-enerġija. Huwa faħħar dan l-aħħar investiment fis-settur tal-ospitalità u rrimarka kif issa pajjiżna qed iħares lejn riżultati fit-turiżmu li jlaħħqu dawk ta’ qabel il-pandemija. Dan qalu f’kuntest li statistika uffiċjali wriet li l-ewwel kwart ta’ din is-sena kien l-aqwa wieħed fl-istorja għas-settur turistiku f’Malta. Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif il-ħidma li tindirizza l-isfida tal-istaġjonalità fit-turiżmu trid tkompli u tibqa’ tissaħħaħ biex l-andament pożittiv tat-turiżmu jibqa’ jinħass f’oqsma oħra f’Malta.

Fil-lukanda ta’ 106 kmamar u b’faċilitajiet mill-aqwa, fosthom pixxina fuq ġewwa u fuq barra, il-Prim Ministru, akkumpanjat minn martu Dr Lydia Abela, faħħar ir-reżiljenza u r-rieda qawwija tal-investituri u nnota l-fiduċja li qed ikomplu juru f’pajjiżna. Qal li ma nistgħux nieqfu hawn u huwa għalhekk li l-Gvern se jibqa’ jinċentiva l-investiment anki fit-turiżmu. Hawn innota r-reviżjoni ‘l fuq li għamlet il-Kummissjoni Ewropea riċentament għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta u rrimarka kif l-istess istituzzjoni Ewropea saħqet li Malta għandha u se jibqa’ jkollha l-inqas rata ta’ qgħad.

Albert Galea, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Baystreet, il-Grupp li jmexxi wkoll din il-lukanda, faħħar ħidmet il-ħaddiema li ħadmu fuq dan l-investiment tal-lukanda. Qal li huwa kburi bil-fatt li l-linja tal-lukandi msemmija, imferxa f’madwar 31 pajjiż, għandha preżenza wkoll f’Malta. Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.​

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content