Pajjiżna wara l-atleti ta’ Malta għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar – il-Prim Ministru Robert Abela jilqa’ lill-kontinġent Malti

PR230748

19/05/2023

“Dan hu l-mument tagħkom u aħna lkoll bħala poplu Malti u Għawdxi kollu se nkunu warajkom”. Kien dan il-messaġġ t’appoġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela fil-bitħa tal-Berġa ta’ Kastilja meta f’attività sabiħa laqa’ lill-kontinġent Malti għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li se jsiru fil-jiem li ġejjin f’pajjiżna.

Quddiem l-atleti li se jikkompetu ma’ oħrajn minn tmien pajjiżi oħra fid-19-il edizzjoni u t-tielet waħda organizzata f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif il-Gvern investa b’mod rekord f’dawn il-Logħob, mhux biss fil-faċilitajiet sportivi iżda anki fit-taħriġ tal-atleti għaliex tassew jemmen fl-isportivi.

Spjega kif pajjiżna jrid jikseb riżultati li jservu ta’ ispirazzjoni għat-tfal kollha li se jibqgħu jgawdu mill-infrastruttura sportiva li tlestiet għal dawn il-Logħob. Huwa għalhekk li l-Prim Ministru rrimarka li min-Nofsinhar tal-pajjiż sa Għawdex irid ikollna faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell.

Il-Prim Ministru qal lill-atleti fil-11-il dixxiplina sportiva biex jiffukaw fuq dan l-avveniment sportiv internazzjonali organizzat f’pajjiżna iżda r-riżultati li ġejjin għandhom ikunu biss il-bażi biex l-atleti jħarsu lejn affarijiet akbar, fosthom l-Olimpjadi ta’ Pariġi fl-2024. Il-Prim Ministru appella lil kulħadd biex anki jattendi għall-kompetizzjonijiet f’dawn il-Logħob li se jsiru bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju 2023. “Il-poplu Malti u Għawdxi kollu se jappoġġjakom u se jkun moħħu fikom”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela f’messaġġ ta’ awguri għall-atleti li se jirrappreżentaw lil Malta.

Qabel il-Prim Ministru indirizzaw lill-atleti l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello. Il-Ministru Grima spjega kif dawn il-Logħob mhux biss se jkomplu jpoġġuna fuq il-mappa dinjija tal-isport imma l-atleti għandhom l-opportunità jsarrfu t-taħriġ u l-investiment li sar fihom f’riżultati tajbin kemm fuq livell personali kif ukoll fuq livell internazzjonali. Min-naħa tiegħu, Pace Bonello rrikonoxxa l-għajnuna finanzjarja tal-Gvern biex illum għandna atleti ferm imħejjija u sostna li huwa fiduċjuż li pajjiżna se juri l-aqwa tiegħu, kemm fuq livell ta’ organizzazzjoni iżda anki fuq livell sportiv.

Wara l-indirizz tal-Prim Ministru, iċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv ta’ dawn il-Logħob Mark Cutajar preżenta fost oħrajn sett ta’ midalji ta’ dawn il-Logħob lill-Prim Ministru, u l-captain tal-kontinġent Malti, Eleonor Bezzina, ippreżentat lill-atleti Elaine Genovese u Matthew Galea Soler bħala ż-żewġ atleti li se jġorru l-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content