Nimbuttaw bidliet li jkomplu jsaħħu ekonomija li toħloq karrieri ta’ kwalità

PR230670

08/05/2023

F’laqgħa mat-tmexxija l-ġdida tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern se jkompli jimbotta ‘l quddiem bidliet li jibqgħu jwasslu għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru laqa’ fost oħrajn lill-President tal-Kamra tal-Kummerċ Chris Vassallo Cesareo u fil-laqgħa rrimarka kif bħala pajjiż irridu li l-ekonomija tagħna tkun waħda bbażata fuq il-ħiliet, ir-riċerka u l-innovazzjoni biex b’hekk mhux biss toħloq impjiegi iżda karrieri ta’ kwalità.

F’kuntest li l-maġġoranza tal-ażjendi f’pajjiżna jridu jħaddmu aktar nies, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta għat-tisħiħ tas-settur tax-xogħol fejn b’ħidmietna nibqgħu niddirezzjonaw lill-istudenti u lill-ħaddiema ta’ għada lejn l-oqsma li joffrulhom karrieri u kwalità tal-ħajja. Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll fuq prijoritajiet ġodda li għandu l-pajjiż u enfasizza fuq il-qalbiet diġitali u ambjentali.

Dr Abela spjega li anki l-ikbar pakkett ta’ fondi Ewropej miksub għal Malta ġie direzzjonat b’dawn il-qalbiet fi ħsiebna u dawn l-istess qalbiet mhux biss għandhom joħolqu setturi ġodda f’pajjiżna imma jittrasformaw ukoll l-operat tan-negozji. Spjega li l-qalba ambjentali għandha tmiss ma’ bosta setturi, mit-trasport, għall-bini u l-enerġija. Fisser ukoll li l-bidla teknoloġika li rridu nwettqu bħala pajjiż f’qasir żmien hija waħda bla preċedent fl-istorja għaliex nifhmu li din importanti. Hawn semma l-investiment mill-Gvern favur id-diġitalizazzjoni tas-servizzi iżda wkoll fisser kif il-qalba diġitali tista’ tkun ukoll ta’ vantaġġ għas-settur privat.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrijafferma l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jimbotta riformi b’kuntatt kontinwu mal-imsieħba soċjali u filwaqt li awgura lit-tmexxija l-ġdida tal-Kamra tal-Kummerċ, fisser din il-Kamra bħala sieħeb strateġiku ewlieni fid-diskussjonijiet favur teħid deċiżjonijiet li bihom Malta tkompli miexja ‘l quddiem.

Min-naħa tiegħu l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija, Chris Vassallo Cesareo laqa’ l-laqgħa li kellu mal-Prim Ministru u sostna li l-Kamra tal-Kummerċ tħares ‘l quddiem lejn djalogu kontinwu. Innota kif il-Gvern kien għaqli u ħadem tajjeb biex ipproteġa l-ekonomija billi refa’ hu l-piż marbut maż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija. Huwa rrimarka li l-komunità kummerċjali tibqa’ tistenna d-direzzjoni mill-Gvern dwar is-sussidju fuq l-enerġija. Il-President tal-Kummerċ semma wkoll l-importanza tal-governanza fosthom fejn jidħol il-proċess ta’ għoti tal-kuntratti u rrefera wkoll għall-ħtieġa ta’ riforma fil-qasam tal-ġustizzja.

Għal-laqgħa f’Kastilja attendew ukoll il-Ministri Miriam Dalli u Silvio Schembri kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

FacebookTwitter
Skip to content