Il-gvern ikompli jinvesti f’ħajja ta’ kwalità għal persuni bi sfidi ta’ saħħa

PR230655

04/05/2023

Il-gvern qed iwieżen u jgħin lil dawk il-persuni bi sfidi f’ħajjithom biex igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.

Fosthom, bl-investiment li l-gvern għamel biex illum ġiet inawgurata Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ, li se tkun qed toffri servizzi ta’ terapija lil persuni b’ALS u kundizzjonijiet newroloġiċi oħra.

Bil-gvern fl-isfond tal-kisbiet soċjali, qed jibqa’ ffukat fuq ħidma soċjali oħra li tindirizza r-realtajiet li jinbidlu maż-żminijiet, biex jibqa’ jsaħħaħ dak li jkun wettaq.

Fid-diskors tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li huwa għalhekk li l-gvern fost oħrajn qed ikompli jżid il-Carer’s Grant u jinvesti aktar minn €4 miljun favur assistenti personali, biex aktar persuni jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità.

Huwa rrefera għall-ftehimiet soċjali b’mudell ta’ sħubija bejn il-gvern u s-soċjetà bħala wieħed b’saħħtu fejn dawk mis-settur privat jersqu ’l quddiem bl-aqwa prattiċi favur il-kura u l-ħarsien tan-nies.

Eżempju ċar ta’ dan huwa l-ftehim soċjali li l-gvern għamel ma’ ALS Malta, b’din id-dar tkun ta’ servizz kbir għas-soċjetà. Bi 30 persuna li ġew assessjati minn Aġenzija Sapport issa se jirċievu s-servizzi minn Dar Bjorn. Din id-dar maħsuba biex dawn il-persuni, li se jqattgħu ħinijiet twal fiha, igawdu mill-elementi ta’ barra. Fost oħrajn, id-dar tassigura li jidħol id-dawl naturali u tinkludi ġnien flimkien ma’ pixxina għat-terapija.

Il-Prim Ministru Abela kkonkluda b’ringrazzjament lill-professjonisti u lill-ħaddiema għall-kontribut siewi li jagħmlu fil-ħajja ta’ dawn il-persuni, biex ħajjithom tkun aktar komda u faċli f’dar mgħammra b’faċilitajiet tal-ogħla livell. Proġetti bħal dawn se jibqgħu jsibu s-sostenn tal-gvern.

FacebookTwitter
Skip to content