Iż-żamma tal-istandards fid-djar tal-anzjani ta’ prijorità

PR230391

15/03/2023

​Il-Prim Ministru Robert Abela żar id-dar tal-anzjani The Imperial f’Tas-Sliema, proġett b’investiment ta’ €30 miljun u li nfetaħ sentejn ilu minn St. George’s Care Ltd. Illum din il-kumpanija, li għandha dar oħra tal-anzjani, tħaddem mal-250 ħaddiem u toffri standards għoljin u kura ġenwina għall-anzjani.

Fiż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru seta’ jinnota numru ta’ servizzi tal-ogħla kwalità mogħtija f’din id-dar filwaqt li ltaqa’ mal-ħaddiema u r-residenti anzjani. It-tmexxija tad-dar spjegat kif id-dar toffri faċilitajiet differenti f’kumpless li jinkludi 6,000 metru kwadru ta’ żoni komunali. Fid-dar hemm pixxina, gym, swali, kamra għall-attivitajiet u librerija fost oħrajn, biex jaqdu l-ħtiġijiet tar-residenti li jibqgħu jħossuhom parti minn komunità.

Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lit-tmexxija ta’ The Imperial u anki lill-ħaddiema tas-servizz li qed jagħtu lill-anzjani. Saħaq li l-gvern jibqa’ jappoġġja dan it-tip ta’ investiment li jżomm anki l-ogħla standards fid-djar tal-anzjani.

Irrimarka li dar bħalma hi The Imperial qed tindirizza wkoll ħtiġijiet speċifiċi għall-anzjani hekk kif din id-dar b’176 kamra, għandha taqsima għall-persuni bid-dimensja, li wkoll qed jingħataw servizz dinjituż li bih jibqa’ jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna wkoll fuq l-importanza tal-anzjanità attiva mhux biss fost l-anzjani li jgħixu fl-ibliet u l-irħula iżda anki dawk residenti fi djar tal-anzjani.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ St. George’s Care Ltd Edward Vella, irringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela talli għoġbu jżur id-dar u rrimarka li l-kumpanija tistinka biex tagħti l-aqwa kura, imħabba u kwalità ta’ ħajja lir-residenti. Qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir għalih u t-tmexxija tad-dar, li jaraw lir-residenti kuntenti jgħixu l-ħajja fil-milja tagħha.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru tul iż-żjara f’The Imperial kien hemm il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

FacebookTwitter
Skip to content