STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR221351

10/10/2022

Laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-UĦM – Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar qafas leġiżlattiv ġdid li jirregola l-platform work

​F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-UĦM Voice of the Workers fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fl-aħħar jiem, il-Kabinett approva qafas leġiżlattiv li għandu jirregola dak magħruf bħala platform work.

Dettalji dwar sett ta’ regoli ġodda aktar robusti se jingħataw mill-gvern fil-jiem li ġejjin iżda fil-laqgħa mal-UĦM, il-prim ministru spjega l-prinċipji ta’ dan il-qafas, fosthom li jirregolaw il-kuntratt tax-xogħol u li s-salarju ma jistax ikun inqas mill-paga minima fost drittijiet oħra bħal overtime u sick leave.

F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-ħtieġa tal-kuraġġ fit-teħid tad-deċiżjonijiet wara stħarriġ organizzat u strutturat mill-awtoritajiet, fil-każ tal-platform work, mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg.

Fid-diskussjonijiet mal-union qabel il-Budget, Dr Abela saħaq fuq il-ħtieġa li pajjiżna jibqa’ jattira l-investiment u hawn talab għall-kollaborazzjoni tal-imsieħba soċjali biex nibqgħu niġbdu investiment lejn Malta li bih nassiguraw dħul b’saħħtu għall-gvern u b’dak id-dħul, il-gvern jibqa’ jsostni l-għajnuna li qed jagħti quddiem sfidi straordinarji.

“L-ebda pajjiż mhu jgħin daqskemm qed jgħin il-Gvern Malti lin-nies, fosthom fil-qasam tal-enerġija u fl-importazzjoni taċ-ċereali”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li qal ukoll li l-Budget li jmiss irid ikun wieħed ta’ sostenibbiltà u ta’ stabbiltà.

Dr Abela sostna wkoll fuq l-importanza tad-djalogu soċjali u fisser kif il-Budget li jmiss se jkun l-ewwel wieħed minn ħamsa biex il-gvern jimplimenta l-manifest elettorali li għandu mandat fuqu min-nies.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella għadda numru ta’ proposti lill-gvern u saħaq fuq għan komuni għall-gvern u l-unions, dik tat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.

Hawn laqa’ b’sodisfazzjon dak li kien għadu kif ħabbar il-prim ministru fuq il-platform workers, liema ħaddiema f’dan is-settur qed jagħtu servizz li ndara u baqa’ wieħed kostanti anki wara l-pandemija.

Is-Sur Vella spjega wkoll li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA) ma għandux jiġi trattat bħala parti minn żieda fil-pagi li l-unions jinnegozjaw fi ftehimiet kollettivi.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru Clyde Caruana u l-Ministru Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat tal-Gvern Amanda Spiteri Grech, u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content