PR221270
30/09/2022
“Deċiżjonijiet li għandhom iservu biex niġbdu investiment ġdid li joħloq aktar impjiegi ta’ kwalità” – il-Prim Ministru waqt l-inawgurazzjoni ta’ uffiċini ġodda tal-UHM
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ uffiċini ġodda tal-UHM Voice of the Workers, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li d-deċiżjonijiet li qed jieħu l-gvern ma għandhomx iservu biss biex iħarsu għal dak li għandna llum iżda għandhom ikunu l-bażi ħalli lejn pajjiżna niġbdu investimenti ġodda li joffru aktar impjiegi ta’ kwalità u li jħallsu aħjar.
F’indirizz li għamel, il-prim ministru tenna li qed nersqu lejn budget ieħor mingħajr taxxi ġodda u li se jkompli jsostni lin-nies, b’politika mhux ta’ awsterità, iżda li temmen fil-ħaddiem.
Dr Robert Abela aċċenna fuq l-istabbiltà u s-sostennibbiltà, u hawn semma kif il-ħaddiema u l-familji tagħhom jixirqilhom iżjed spazji ġodda biex anki jservu ta’ żvog wara ħidmiethom.
Il-prim ministru rrimarka għal diversi miżuri li daħħal il-gvern u li bihom ġie inċentivat ix-xogħol u ssaħħet b’mod qawwi l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, tant li llum, Malta hi ogħla mill-medja Ewropea f’dan ir-rigward, anki frott miżuri ta’ appoġġ għall-familji.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif il-UHM tat sehemha wkoll bl-ideat tagħha fil-miżuri maħsuba to make work pay.
Dr Abela saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li nkomplu nsostnu t-tisħiħ tad-drittijiet, it-taħriġ, u l-opportunitajiet ġodda biex wieħed ikun jista’ jimxi ‘l quddiem u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu.
“Huwa dan kollu li ridna nissalvagwardjaw bid-deċiżjonijiet li ħadna fl-aħħar xhur u li bnew fuq deċiżjonijiet kbar oħra li ħadna sa minn Marzu 2020, quddiem sfidi bla preċedent”, qal il-prim ministru hu u jisħaq fuq djalogu soċjali b’saħħtu.
Hawn semma l-ideat li lkoll irridu nitfgħu fuq il-mejda biex nikbru iktar u li mbagħad irid ikollna l-kuraġġ li niddeċiedu dwarhom biex inkomplu nirnexxu bħala pajjiż.