STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR220420

28/03/2022

Insellmilkom,

Malta Flimkien ma kinitx sempliċi għajta ta’ kampanja elettorali. Malta Flimkien huwa l-mod li bih irrid immexxi fl-ewwel mandat li tani l-poplu Għawdxi u Malti biex inservih bħala Prim Ministru.

Inħossni mċekken bil-vot b’saħħtu ta’ fiduċja li tajtuni, wara perjodu li matulu pajjiżna, bħall-bqija tad-dinja, iffaċċja numru ta’ sfidi.

Issa naspira li bl-għażla ta’ nhar is-Sibt, Malta tidħol għal fażi ġdida.

Nemmen li daqskemm kien sinjal ta’ fiduċja fija u fit-tajjeb li għamilna bħala pajjiż tul l-aħħar snin, l-għażla li għamiltu kienet ukoll konferma tar-rieda li għandna bħala poplu biex naqilbu l-paġna .

Qabel xejn irridu nħallu warajna sentejn xejn faċli li ġabet magħha l-pandemija.

Filwaqt li nibqa’ nfittex il-parir espert, il-gvern se jkompli fit-triq biex jitneħħew għal kollox ir-restrizzjonijiet. Irridu naslu f’mument fejn kemm jista’ jkun, nadottaw l-istil fejn tkun l-għażla personali tal-individwu dwar kif jemmen li hu l-aħjar jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.

Il-pandemija ħaditilina wisq! Tfal u żgħażagħ tilfu iktar minn erbgħa u għoxrin xahar mill-isbaħ żmien ta’ ħajjithom. Għalhekk issa rridu nħarsu ‘l quddiem biex inkomplu nieħdu lura l-libertajiet tagħna. Trid tkun din ir-Rebbiegħa li tarana mexjin f’din id-direzzjoni.

Meta qed nitkellem dwar fażi ġdida qed nitkellem ukoll dwar id-deċiżjonijiet li se nieħdu.

Se nkunu kburin u nibnu fuq il-kisbiet li saru tul is-snin, imma se nħarsu wkoll lejn prijoritajiet ġodda. Se naraw li nilħqu livelli ġodda, u standards ġodda.

Id-deċiżjonijiet dwar liema toroq nagħżlu rridu noħduhom ukoll b’uliedna u l-ġenerazzjonijiet futuri l-ħin kollu quddiem għajnejna. Hekk irridu nagħżlu proġett minn ieħor, investiment minn ieħor, jew direzzjoni minn oħra.

Ma hemmx dubju li f’dan kollu se nibqgħu nsibu l-isfidi. Imma jekk nibqgħu flimkien ngħelbuhom. L-uniku xkiel li jista’ jkun hemm hu jekk ma nemmnux fina nfusna. Jien naf li l-Għawdxin u l-Maltin jemmnu f’dak li nistgħu nwettqu. Saħansitra se jkun hemm ċirkostanzi fejn sfidi naqilbuhom f’opportunitajiet.

Irrid ngħid li ninsab sodisfatt kif mexa l-proċess demokratiku f’pajjiżna f’din l-elezzjoni.

Kellna kampanja elettorali li b’mod ġenerali, meta mqabbla ma’ kampanji elettorali oħrajn, iffokat l-iktar fuq l-ideat, il-kredibbiltà u l-kompetenza. Hekk għandu jkun meta niġu biex nagħżlu t-tmexxija ta’ pajjiż.

L-għażla dwar min se jkun fdat bit-tmexxija tal-pajjiż ma għandhiex tkun ġlieda ta’ min se jkisser lil min l-ewwel. Inħoss li għamilna pass ‘il quddiem, għalkemm forsi ma wasalniex għal kollox. Ejja naħdmu biex naslu tul din il-leġiżlatura. Jien żgur li se noħroġ l-id tal-ħbiberija lill-Oppożizzjoni. Fuq kollox se ninvolvi kemm niflaħ l-imsieħba soċjali fil-konsultazzjoni li twassalna għad-deċiżjonijiet.

Rajna li f’Malta l-parteċipazzjoni f’għażla ta’ elezzjoni ġenerali tibqa’ fost l-iktar b’saħħithom fl-Ewropa. Iżda żgur li rridu nagħtu ħafna każ ta’ dawk li ddeċidew li ma jivvotawx f’din l-elezzjoni.

Lilkom ukoll se nitlob iċ-ċans li nservikom u se naħdem biex il-klassi politika tikseb mill-ġdid il-fiduċja tagħkom.

Biex darb’oħra tħossukom komdi tmorru tagħżlu lil min tixtiequ fit-tmun tal-pajjiż.

Għax għalkemm aħna lkoll niġu minn sfond differenti, bħala Maltin għandna diversi valuri komuni. Il-kuraġġ, it-tjubija, il-ġustizzja u r-rispett. U rrid li dawk il-valuri tarawhom fil-mexxejja tagħkom.

Fuq kollox ejja nieħdu din l-opportunita biex inġeddu pajjiżna flimkien. Fejn mhux biss nikbru iktar, imma nikbru b’mod sostenibbli u b’saħħtu. Fejn mhux biss nagħtu edukazzjoni tajba, imma nagħtu edukazzjoni mill-aqwa. Fejn mhux biss noħolqu x-xogħol, imma noħolqu karrieri ta’ kwalità. Fejn mhux biss nieħdu ħsieb l-ambjent, imma ntejbuh u nsebbħuh.

Ejja nkomplu dan il-vjaġġ flimkien!

Dan hu vjaġġ fejn ma nkunux wasalna qabel kull ċittadin iħossu apprezzat u rispettat. Din se tkun l-attitudni tal-gvern immexxi minni fil-ħames snin li ġejjin.

Legalment il-ġurament li ħadt illum huwa ħalfa fuq il-kostituzzjoni, imma f’qalbi u f’moħħi huwa l-kelma li għamilt magħkom, li tajt lilkom, biex immexxi għalikom.

Għawdxin u Maltin. Flimkien. Il-futur sabiħ.

FacebookTwitter
Skip to content