16/02/2026
Nhar it-Tnejn filgħodu, fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u t-tmexxija ta’ Festivals Malta ltaqa’ mal-parteċipanti u dilettanti tal-Karnival.
Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru tkellem mal-parteċipanti u seta’ jara mill-qrib ix-xogħol artistiku li jwettqu b’mod volontarju u b’dedikazzjoni liema bħalha, biex ikomplu jżommu ħaj it-tradizzjoni tal-Karnival li hija parti mill-identità ta’ pajjiżna.
Fil-foss ta’ San Ġakbu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-isforzi mill-organizzaturi flimkien mal-parteċipanti fi żmien anki ta’ sfidi marbuta mal-maltemp.
Dr Abela faħħar ukoll il-ħidma u rringrazzja lill-parteċipanti kollha u lill-organizzaturi għad-dedikazzjoni tagħhom biex jittellgħu dawn l-attivitajiet fil-Belt Kapitali u anki fil-Floriana b’mod partikolari, biex jitgawdew mill-pubbliku u mit-turisti li jżuruna. Il-Prim Ministru tenna li l-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jappoġġja dawn l-inizjattivi li jżommu ħaj il-wirt kulturali tagħna.









