STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR221250

28/09/2022

Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq fuq qalba lejn in-newtralità klimatika fl-ekonomija Maltija

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Borża ta’ Malta għandha tiffaċilita l-qalba li jmiss għall-ekonomija Maltija, dik li l-ekonomija tagħmel it-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika.

Il-Prim Ministru għadda dan il-messaġġ f’indirizz li għamel fil-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali tal-Federazzjoni Dinjija tal-Boroż Finanzjarji li qed titlaqqa’ f’Malta.

“Il-Borża ta’ Malta trid tkompli timbotta l-innovazzjoni u toħloq soluzzjonijiet ġodda sabiex id-depożiti b’saħħithom li għandu l-pajjiż fil-banek jaslu wkoll għand in-negozji li jridu jinvestu u jikbru fosthom f’pajjiżna,” sostna l-Prim Ministru.

Dr Abela qal li l-Gvern se jkun qed jgħin f’dan il-proċess u joffri qafas b’saħħtu biex din il-qalba ssir.

Quddiem uħud mill-mexxejja tal-akbar boroż finanzjarji fid-dinja u rappreżentanti ta’ investuri li jiffurmaw parti mill-infrastruttura ekonomika dinjija, miġbura f’konferenza f’Malta, il-Prim Ministru Dr Robert Abela saħaq li l-isfida għall-qalba t’ekonomija iżjed ambjentali għandha l-potenzjal li tkun l-akbar opportunità ekonomika għall-ġenerazzjoni preżenti.

“Jien nemmen li l-finanzjament għal din il-qalba ambizzjuża qiegħed hemm u nemmen li s-settur tas-servizzi finanzjarji għandu rwol kruċjali fil-proċess tad-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni f’pajjiżna”, qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru sostna li Malta hija impenjata li tkompli tkun parti minn koperazzjoni ekonomika internazzjonali, u rrimarka kif pajjiżna għandu waħda mill-akbar ekonomiji miftuħa għall-kummerċ, bl-importazzjoni u l-esportazzjoni jiżbqu l-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif Malta għandha qasam b’saħħtu tas-servizzi finanzjarji, bandiera Maltija b’waħda mill-aqwa reputazzjoni fis-settur marittimu, settur tal-avjazzjoni li qed ikompli jikber u industriji bħal dik tal-informatika u l-gaming li qed jespandu b’ritmu mgħaġġel.

F’dan l-isfond, il-Prim Ministru qal li l-Borża ta’ Malta kellha rwol importanti f’dawn l-iżviluppi u llum iddiversifikat iżjed tant li tiġbor fiha ‘l fuq minn mitt entità lokali. ​

FacebookTwitter
Skip to content