Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura l-bidu tas-servizz tal-Fast Ferry minn Tas-Sliema għal Buġibba u minn Buġibba għal Għawdex

PR260788

05/05/2026

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, inawgura l-bidu tas-servizz tal-Fast Ferry minn Tas-Sliema għal Buġibba, u minn Buġibba għal Għawdex.

Dr Abela qal li dan is-servizz ta’ Fast Ferry ser ikun bla ħlas bejn Tas-Sliema u Buġibba biex b’hekk f’Malta jkollna t-trasport pubbliku kollu, kemm tal-art u kemm tal-baħar, mingħajr ħlas. “Fi żmien fejn f’ħafna pajjiżi s-servizzi pubbliċi qed jitnaqqsu fid-dawl tal-awsterità li qed tirrenja fl-Ewropa, id-deċiżjoni tal-Gvern li jżid is-servizzi u jagħmel dan b’xejn hija l-aqwa ċertifikat tar-ruħ progressiva tagħna”, irrimarka l-Prim Ministru. 

Huwa żied jgħid li dan is-servizz ġdid minn Tas-Sliema lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta, imbagħad lejn il-gżira Għawdxija se joffri għażla għall-Għawdxin li jridu jiġu Malta biex jieqfu f’żewġ lokalitajiet oħra ma’ dawk li bħalissa għandhom konnessjoni diretta magħhom, jiġifieri ċ-Ċirkewwa u l-Belt.

Kompla jgħid li dan is-servizz qed jiġi integrat fis-sistema ta’ Tallinja bil-Baħar li fiż-żmien li ġej ser tkompli tespandi biex tilħaq ukoll l-esiġenzi tal-popolazzjoni tan-nofsinhar tal-pajjiż, b’servizz ġdid li jgħaqqad lil Marsaskala u l-Belt Valletta. Servizz li mistenni jibda meta jitlesta x-xogħol infrastrutturali li għaddej fuq il-ferry landing f’Wied il-Għajn.

Dr Abela nnota kif fi ftit aktar minn sentejn li ilu jaħdem bla ħlas s-servizz tal-Harbour Ferry, użaw dan is-servizz aktar minn miljun u nofs passiġġier. Huwa sostna li Tallinja bil-Baħar u t-trasport marittimu huma element importanti fil-pjan Malta in Motion li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu. Pjan li diġà qed jiġi implimentat u li fix-xhur u snin li ġejjin, se jkompli jissaħħaħ billi servizzi tal-ferries jiġu integrati aħjar ma’ sistemi oħra ta’ trasport bħal tal-linja, l-użu tar-rota, il-mixi u l-La Valletta line fil-futur.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li l-Gvern għandu pjanijiet biex isaħħaħ is-servizz tal-Gozo Channel, b’investiment qawwi biex iżidu n-numru ta’ vapuri u jkollna bastimenti b’teknoloġija li tniġġeż anqas. “Investiment multi-miljunarju li se jkun kumplimentat b’servizzi aqwa ta’ trasport pubbliku f’Għawdex. Dan minbarra s-servizz ta’ air taxi bejn iż-żewġ gżejjer”, tenna Dr Abela.

Semma wkoll li diġà nħolqot taskforce bl-għan li jiġi analizzat l-operat tal-port tal-Imġarr biex imbagħad tiġi assigurata s-sostenibbiltà fit-tul hekk kif tkompli tissaħħaħ il-konnettività lejn il-gżira Għawdxija b’servizzi bħal dawn.

Il-Prim Ministru nnota li l-Viżjoni Malta 2050 tidentifika KPIs u miri ċari fuq dak li rridu niksbu għal Għawdex. L-istess bħalma joħorġu mill-istrateġija Għawdex Gżira ta’ Villaġġi, liema strateġija se tkun qed tiġi aġġornata biex tikkumplimenta aħjar il-Viżjoni Malta 2050.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Chris Bonett qal li “Dan is-servizz ifisser konnessjoni aħjar miċ-ċentru ta’ Malta għal Buġibba. Ifisser alternattiva reali għal dawk li jridu jaslu Għawdex jew jinżlu minn Għawdex lejn Malta. Ifisser li Għawdxin li llum jinżlu lejn Malta se jkollhom mhux biss il-konnessjonijiet eżistenti maċ-Ċirkewwa u mal-Belt, iżda wkoll rotot oħra li jiftħu opportunitajiet ġodda. Servizz ġdid ta’ bus ċirkolari ser jibda jopera mil-lum biex jikkumplimenta dan is-servizz ta’ fast ferry. Dan kollu jorbot ma’ Malta in Motion, il-viżjoni tal-Gvern għal futur tal-mobilità ta’ pajjiżna li l-għan tiegħu hu li jagħtik id-dritt li tivjaġġa kif tixtieq.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia rrimarka kif it-tnedija tas-servizz ġdid ta’ ferry li jgħaqqad lil Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex ifisser riżultat konkret ieħor fil-pjan ta’ Malta in Motion. “Dan huwa pass ieħor ’il quddiem fil-mod kif qegħdin inħarsu lejn trasport modern u integrat. Nemmnu bi sħiħ li dan is-servizz huwa parti minn sistema akbar fejn mezzi differenti ta’ trasport jaħdmu b’mod sinkronizzat flimkien”, saħaq Kurt Farrugia.

FacebookTwitter