PR260700
22/04/2026
Il-Gvern Malti flimkien mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) qed jaħdmu fuq proġett ambizzjuż li se jwassal għal tisħiħ fil-ħsieb strateġiku u l-governanza antiċipattiva fis-servizz pubbliku, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050.
L-inizjattiva, immexxija mit-Taqsima ta’ Viżjoni Malta 2050 fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, timmarka pass deċiżiv sabiex jiġi żgurat li l-istrateġija fit-tul ta’ Malta tkun mhux biss ambizzjuża, iżda wkoll reżiljenti, adattabbli u lesta għall-futur.
Din il-kollaborazzjoni tnediet illum permezz ta’ sessjoni ta’ ħidma li ġabret flimkien aktar minn 60 uffiċjal tas-servizz pubbliku minn Ministeri u entitajiet differenti.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Viżjoni Malta 2050, Ronald Mizzi, stqarr li “Viżjoni Malta 2050 tistabbilixxi direzzjoni ċara dwar fejn irridu naslu bħala pajjiż. Iżda fid-dinja tal-lum, id-direzzjoni waħedha mhix biżżejjed. Irridu nkunu kapaċi nantiċipaw il-bidla, nisfidaw l-assunzjonijiet tagħna, u nieħdu l-azzjoni neċessarja kmieni. Din il-kollaborazzjoni mal-OECD issaħħaħ il-kapaċità tagħna biex nagħmlu eżattament dan, billi tiżgura li Viżjoni Malta 2050 ma tkunx biss pjan, iżda qafas ħaj li jibqa’ rilevanti, reżiljenti u li jista’ jitwettaq maż-żmien.”
It-tim tal-OECD enfasizza li Malta żviluppat Viżjoni b’saħħitha u li tħares ’il quddiem, u li dak li jiddistingwi lill-gvernijiet ewlenin illum huwa l-kapaċità tagħhom li jantiċipaw u jadattaw hekk kif il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi jinbidlu. It-tim enfasizza li billi tintegra l-ħsieb strateġiku fis-sistemi ta’ governanza tagħha, Malta qed tieħu pass importanti biex tiżgura li l-ippjanar fit-tul jittraduċi ruħu f’impatt sostenut u sinifikanti.
Din il-kollaborazzjoni se twassal sabiex jiġu stutturati għodod ta’ ħsieb prospettiv bħall-horizon scanning u scenario planning; koordinazzjoni istituzzjonali aktar b’saħħitha marbuta mal-Viżjoni Malta 2050; capacity building fis-servizz pubbliku u l-iżvilupp ta’ qafas nazzjonali “Futures Outlook”. Dan ikompli jibni fuq riformi preċedenti bil-għan li jiżgura li l-ħsieb prospettiv isir karatteristika permanenti tal-mudell ta’ governanza ta’ pajjiżna, aktar milli eżerċizzju ta’ darba.
Il-kollaborazzjoni se ddum 18-il xahar u tifforma parti mill-approċċ usa’ tal-Gvern biex jiżgura li Viżjoni Malta 2050 tibqa’ tirrispondi għal xejriet globali emerġenti, tkun ibbażata fuq evidenza u analiżi, u allinjata mal-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Dan jimmarka bidla kontinwa fil-governanza, minn tfassil ta’ politika reattiva għal tmexxija antiċipattiva u li tħares ’il quddiem.
L-inizjattiva se tiffaċilita wkoll qsim ta’ esperjenzi ma’ pajjiżi oħra bħal-Litwanja, l-Estonja u l-Ġermanja, u tpoġġi lil Malta bħala parteċipant attiv f’komunità internazzjonali li dejjem qed tikber, ta’ gvernijiet iffukati fuq innovazzjoni fis-settur pubbliku u tfassil ta’ politika fit-tul li tkun lesta għall-futur.
F’mument ta’ bidla teknoloġika, ekonomika u ġeopolitika, din il-kollaborazzjoni tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jimxi lil hinn mill-ippjanar tradizzjonali u jintegra ħsieb antiċipattiv fil-qalba tat-tfassil tal-politika.
Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Malta se tingħaqad ukoll ma’ grupp ta’ pajjiżi li qed jaħdmu mal-OECD biex jintegraw governanza antiċipattiva fil-qafas nazzjonali tal-politika.






