PR260302
24/02/2026
Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-istudenti fl-MCAST
Għada, 16,600 student se jirċievu pagament ieħor ta’ stipendju, din id-darba biż-żieda ta’ 15% kif imħabbar fil-Budget għall-2026. Din iż-żieda ta’ 15% tirrifletti wkoll fuq l-istipendji supplimentari. Fi żjara li għamel fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li s-suċċess ekonomiku li qed niksbu f’pajjiżna qed iħalli ħafna riżultati pożittivi li jippermettu li nkomplu ninvestu fil-futur tal-istudenti.
L-investiment fiż-żieda fl-istipendji huwa ta’ €6 miljun. Dan apparti sensiela ta’ miżuri oħra li bihom qed igawdu ż-żgħażagħ biex ikomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom fosthom l-għotja ta’ €500 fis-sena għal massimu ta’ tliet snin, l-għotja ta’ €280 fix-xahar lill-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta u anki l-iffrankar mit-taxxa tad-dħul tal-ġenituri li jaħdmu sakemm uliedhom studenti jagħlqu 23 sena. Studenti li jkomplu bl-istudji tagħhom immedjatament wara s-Sekondarja, jingħataw ukoll voucher għal sena internet b’xejn.
L-istipendju tal-istudenti kollha se jkun qed jiżdied bi 15% fejn illum il-ġurnata jeżistu tliet livelli, dak ġenerali, dak ta’ prijorità medja u dak ta’ prijorità għolja skont il-korsijiet li jkunu qed jistudjaw l-istudenti. Il-Gvern, minn żmien għal żmien, jirrevedi l-istrateġiji ewlenin u l-pjanijiet ta’ azzjoni Nazzjonali ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta’ Malta li jiddependu mill-provvista tal-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa ta’ ħaddiema tal-lum u tal-futur. Dan iwassal biex iktar studenti igawdu minn stipendji għola, skond il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-korsijiet bħala prijorità medja u dak ta’ prijorità għolja, xhieda ċara ta’ kemm dan il-Gvern jemmen fil-potenzjal tal-istudenti.
Il-pagament tal-25 ta’ Frar 2026 jinkludi ħlas ta’ stipendju tal-aħħar jiem f’Diċembru bir-rata l-antika filwaqt li l-ħlas għal Jannar 2026 huwa bir-rata miżjuda ta’ 15%.
Il-Prim Ministru akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, iltaqa’ mal-istudenti u tkellem magħhom fuq vjaġġ edukattiv li jwassalhom biex jieħdu l-aqwa opportunitajiet li qed jinħolqu f’pajjiżna.
Fil-ġimgħa li l-pajjiż se jippreżenta l-Viżjoni Malta 2050, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li din il-viżjoni tħares li l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd tkompli titjieb bis-saħħa tal-ġid ekonomiku li pajjiżna qed jesperjenza. Qal li l-istudenti f’pajjiżna jistħoqqilhom kull appoġġ biex jibnu l-futur tagħhom.
Dr Abela żied jgħid li l-esperjenza edukattiva tal-istudenti trid tissarraf fl-aqwa karrieri u għal dan, l-istudenti se jibqgħu jsibu Gvern magħhom u li jinċentivahom f’mument importanti f’ħajjithom biex ifasslu l-ġejjieni tagħhom.






