PR260299
24/02/2026
Waqt il-laqgħa annwali tal-Konsli Onorarji li jirrappreżentaw lil pajjiżna barra minn xtutna, il-Prim Ministru Robert Abela għadda messaġġ ċar dwar il-prijoritajiet internazzjonali ta’ pajjiżna, filwaqt li saħaq fuq il-kontribut kruċjali tagħhom biex imexxu ’l quddiem l-interessi diplomatiċi, ekonomiċi u nazzjonali ta’ pajjiżna.
Filwaqt li rringrazzjahom għal ħidmithom, il-Prim Ministru ddeskriva l-kontribut tal-Konsli Onorarji bħala waħda indispensabbli, hekk kif saħaq li r-riżultati li dawn jiksbu bil-ħidmatagħhom għandu impatt dirett mhux biss fuq l-objettivi nazzjonali iżda wkoll fuq il-kwalità tal-ħajja.
Il-Prim Ministru Abela nnotta kif iċ-ċokon ta’ pajjiżna ma jillimitax l-ambizzjonijiet nazzjonali tagħna. “Malta pajjiż żgħir fid-daqs, iżda b’viżjoni globali, storja għanja u, fuq kollox, b’sens ċar ta’ skop,” qal il-Prim Ministru. Huwa nnota li l-prosperità ta’ pajjiżna tiddependi fuq relazzjonijiet internazzjonali b’saħħithom, kredibbiltà bħala sieħeb ekonomiku, il-ħila tagħna li nipproġettaw il-valuri u s-saħħa komparattiva ta’ Malta lil hinn minn xtutna. Il-Prim Ministru tenna li relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi stabbli għandhom ikunu msejsa fuq “ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli,” u ħeġġeġ lill-Konsli Onorarji biex iżommu dan il-prinċipju fil-qalba tal-ħidma tagħhom.
Huwa rrefera wkoll għan-natura strateġika u prattika tar-rwol tagħhom, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċ, l-investiment u l-faċilitazzjoni tan-negozju. “Malta stabbiliet lilha nnifisha bħala ġuriżdizzjoni stabbli, li tħares ’il quddiem, u li tiffavorixxi n-negozju, appoġġjata minn qafas regolatorju robust, forza tax-xogħol b’ħiliet neċessarji, u post strateġiku f’salib it-toroq bejn l-Ewropa, l-Afrika ta’ fuq, u l-Lvant Nofsani,” tenna l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru Abela għamel ukoll referenza għat-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050 li se ssir nhar il-Ġimgħa, fejn sostna li din il-viżjoni se tkun qed issaħħaħ il-wirt nazzjonali tagħna, tippożizzjona mill-ġdid lil pajjiżna u tintroduċi marka ġdida distintiva li tirrifletti l-istorja nazzjonali tagħna, storja li għadha u se tkompli tevolvi.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg li wkoll irringrazzja lill-Konsli Onorarji għall-impenn tagħhom lejn il-Gżejjer Maltin. “Intom tinsabu fuq quddiem nett tal-impenn ta’ Malta fir-reġjuni rispettivi tagħkom. Permezz ta’ kull sħubija li tinbena u kull opportunità li tiġi identifikata, intom testendu l-preżenza diplomatika, ekonomika u kulturali ta’ Malta, u tiżguraw li leħen pajjiżna jinstema’, il-valuri tagħna jinżammu, u l-interessi tagħna jitmexxew ’il quddiem madwar id-dinja,” qal id-Deputat Prim Ministru Borg.





