PR260024
09/01/2026
Il-Prim Ministru Robert Abela, żar l-isptar privat St James Hospital fiż-Żejtun, li jifforma parti minn investiment privat ta’ €36 miljun fis-settur tas-saħħa minn Saint James Hospital Group. Matul din iż-żjara l-Prim Ministru kellu l-opportunità iżur diversi partijiet li fuqhom diġà saru x-xogħolijiet fosthom id-Dipartiment ta’ Emerġenza ġdid, Eye Hospital speċjalizzat, u Cath Lab privat, l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’Malta . Dan filwaqt li ġew spjegati x-xogħlijiet u l-investiment li se jkunu qed isiru fil-fażijiet li ġejjin.
Dr Abela nnota kif dan l-investiment huwa eżempju ċar ta’ kif anke s-settur privat għandu rwol importanti biex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem b’viżjoni, innovazzjoni u kwalità fis-settur tas-saħħa. Huwa tenna li dan l-investiment juri l-fiduċja kontinwa li kumpaniji Maltin qed juru fl-ekonomija tagħna, filwaqt li jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru reġjonali ta’ eċċellenza medika.
Fil-preżenza wkoll tal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, il-Prim Ministru żied jgħid li l-koperazzjoni bejn is-settur privat u dak pubbliku hija importanti għax twassal għar-riżultati, dan hekk kif flimkien mas-servizz pubbliku, is-servizz li qed jingħata minn dan l-isptar privat, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ operazzjonijiet, outsourcing ta’ każijiet urġenti u każijiet oħra li jidħlu fuq il-linja 1400 qed iwasslu sabiex jagħtu riżultati pożittivi li bihom qed inkomplu ntejbu is-servizz kollu fil-pajjiż marbut mal-qasam tas-saħħa.
Il-Prim Ministru poġġa dan l-investiment ukoll fil-kuntest tal-Viżjoni Malta 2050, li ddiskreviha bħala ċ-ċavetta biex il-pajjiż jimxi lejn avvanzi ġodda u jkompli jissarraf il-progress ekonomiku u soċjali f’aktar titjib fil-kwalità tal-ħajja. Huwa nnota wkoll li parti sostanzjali minn dan l-investiment privat qed imur lejn l-intelliġenza artifiċjali, u rrefera għall-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ dan il-qasam bi strateġija nazzjonali aġġornata fl-AI u jtejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema bil-programm imniedi fil-Budget, AI għal Kulħadd.
Dr Abela sostna li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ sostenn sabiex jitkattar l-investiment neċessarju biex Malta tibqa’ tkun minn ta’ quddiem nett fl-adozzjoni tal-avvanzi diġitali u teknoloġiċi, flimkien mal-innovazzjonijiet prattiċi li jtejbu l-effiċjenza, bħall-użu ta’ teknoloġiji ġodda fil-loġistika klinika.
Fiż-żjara tiegħu li mmarkat ukoll l-erbgħin anniversarju mit-twaqqif ta’ Saint James Hospital Group, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, ltaqgħu ma’ bosta ħaddiema u professjonisti li spjegaw kif frott l-investiment privat, qed ikomplu jagħtu servizz eċċellenti lill-pazjenti. Il-Prim Ministru rringrazzjahom ta’ xogħolhom u lit-tmexxija ta’ Saint James Hospital Group tal-fiduċja f’pajjiżna billi qed ikomplu jinvestu. Saħaq li l-pajjiż għandu ekonomija b’saħħitha li biha qed tkompli titkattar il-fiduċja tal-investitur, fosthom dak Malti.







