Messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela għas-sena l-ġdida

PR252323

01/01/2026

Għeżież ħbieb tiegħi,

insellmilkom minn hawnhekk, f’Manoel Island.

Sit bi storja sabiħa u b’futur saħansitra isbaħ.

Post minn tlieta li din is-sena wegħedtkom li se jiġu lura għandkom u tagħkom il-familji.

F’dawn l-aħħar ġimgħat bdejna nikkonsultaw magħkom it-tfal. Grazzi ta’ kemm qed tgħinuna u flimkien magħkom se nwettqu.

Għalkemm xejn faċli minħabba obbligi kuntrattwali tal-passat, lesti li nirritornaw lill-poplu dawn il-postijiet biex ikollna aktar parks nazzjonali.

Manoel Island. White Rocks. Fort Campbell.

U kieku kellna nżidu magħhom il-Forti ta’ Tigné, ma tkunx rebħa oħra kbira għall-poplu tagħna?

Wirt kulturali ta’ valur nazzjonali u internazzjonali li determinat li nsalvawh milli jiġi żviluppat u jintradd lura lill-poplu.

Din hi Malta li rrid lil uliedna jgħixu fiha.

Pajjiż li fih tqatta’ l-isbaħ żmien mal-għeżież tiegħek.

Għaliex x’hemm isbaħ fil-ħajja jekk mhux dawk il-mumenti li joħolqu l-memorji mal-ġenituri, man-nanniet, man-neputijiet, ma’ wliedna, mal-ħbieb?

Bħala Gvern qatt ma ddejjaqna mill-isfidi u dejjem rajna kif dawwarnihom f’opportunità, bla ebda qtigħ il-qalb.

Is-sena li għaddiet affrontajna l-effetti tal-gwerer u kriżijiet ekonomiċi li ġabu staġnar internazzjonali.

Imma magħqudin, bħala poplu wieħed, bil-għaqal u b’determinazzjoni, l-ebda minn dawn l-isfidi ma rnexxielhom iwaqqfu l-progress ta’ pajjiżna.

Għandna ħafna biex inkunu kburin.

Kburin b’ekonomija b’saħħitha li toffri futur sod lill-familji kollha, u karrieri ta’ kwalità lil uliedna.

Ekonomija b’saħħitha li ssarrfet f’aktar flus fil-bwiet tal-familji, u opportunitajiet ġodda għan-negozji li għażlu hawn biex jinvestu fih.

Fissret ukoll li stajna ninvestu bil-qawwa biex intejbu l-ħajja tan-nies.

Fl-aħħar snin, bħala pajjiż magħqud, li jaħdem għall-ġid komuni daħħalna għajnuniet illi f’pajjiżi oħra lanqas biss joħolmu bihom.

Fosthom iċ-childcare bla ħlas, it-trasport pubbliku bla ħlas bl-art u bil-baħar, l-għajnuna fuq l-enerġija, it-tneħħija tal-income tax fuq ġenituri middle-class.

Imma mhux biss.

Tajna s-saħħa tal-liġi biex f’pajjiżna tkun tista’ tħobb lil min tixtieq mingħajr ebda diskriminazzjoni, għax nemmnu fl-ugwaljanza u li xejn ma jwaqqfek milli tasal fejn taspira.

Dan huwa parti mis-suċċess ta’ pajjiżna.

Is-suċċess tagħkom, kollu bis-saħħa tagħkom.

Bid-deċiżjonijiet li ħadna flimkien.

Quddiem sfidi li quddiemhom għotru ġnus li huma ferm akbar, intom ma waqaftux taħdmu għall-ġid tagħkom u ta’ wliedkom. Ta’ dan nirringrazzjakom.

Dak huwa l-bażi tas-suċċess ekonomiku u soċjali Għawdxi u Malti.

Il-bżulija.

L-imħabba tal-omm.

L-imħabba tal-missier.

Li jagħtu kollox għal uliedhom.

Li jridu jagħtuhom l-aqwa opportunità.

L-aqwa bidu.

L-aqwa sostenn.

L-imħabba li juru l-anzjani tagħna.

Mhux biss għal uliedhom, imma għal pajjiżhom.

Kienu huma li bnew pajjiżna mix-xejn u aħna rridu nkomplu nsaħħu fuq il-passi tagħhom.

Jien missier.

Għal bintna, Lydia u jien irridu pajjiż dejjem aqwa.

Irridu li bintna jkollha l-aqwa opportunitajiet biex timraħ ’il quddiem lejn dak kollu li taspira għalih.

U bħalna, kull ġenitur ieħor.

F’Malta li tħares ’il quddiem, ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura.

Irridu nibqgħu nimxu ’l quddiem

fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fl-arti, fl-isport, fil-kultura, fin-negozju. F’dak kollu li huwa importanti għal ħajjitna.

Għalhekk qed naħdmu għal aktar riformi favur pajjiżna.

Bħal fuq kull pajjiż ieħor, ġej żmien ta’ bidliet oħra.

Forsi l-ikbar bidliet li qatt seħħew fl-istorja tal-bniedem.

Il-qalba diġitali se tfisser trasformazzjoni sħiħa tas-soċjetà tagħna.

L-esperti jaqblu li pajjiżna fost l-aktar imħejji għad-dinja diġitali, imma xorta rridu nwettqu aktar riformi ħalli dak kollu li nwettqu jkun ta’ vantaġġ għall-familji u n-negozji tagħna.

Għalhekk ukoll se ntellqu l-Viżjoni Malta 2050.

L-ewwel pjan komprensiv għal pajjiżna, wara proċess li fih ikkonsultajna ma’ kulħadd.

Viżjoni li tpoġġi quddiemna tliet miri ewlenin.

  1. Li nitilgħu mal-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja fl-iżvilupp uman;
  2. Li d-dħul tal-familji tagħna jaqbeż b’terz dak ta’ familja medja Ewropea; u
  3. Li f’pajjiżna jkollna livell ta’ sodisfazzjon bil-ħajja fost l-aqwa ħames pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

Jekk dawn il-miri nagħmluhom kisbiet għall-familji li huma tant għal qalbna, kif ser jirnexxielna nagħmlu, ikollhom prosperità ġdida.

Biex intellqu din il-viżjoni kien meħtieġ li nressqu l-aqwa Budget fl-istorja.

Budget li bih qed ninvestu bis-saħħa fil-familji.

Is-sena l-ġdida hija sena importanti ħafna għall-futur ta’ ġensna.

Se nimplimentaw aktar proġetti importanti.

Fl-infrastruttura tas-saħħa, se jibda l-bini ta’ Sptar ġdid għas-Saħħa Mentali li se jifforma parti mill-Isptar Mater Dei, flimkien mal-bini tad-Dipartiment tal-Emerġenza li jkun wieħed akbar.

Wara xhur ta’ preparazzjoni, fil-bidu tas-sena se jibda l-proċess li jara li pajjiżna jibni sptar speċjalizzat ta’ 300 sodda għall-anzjani tagħna ġewwa San Vinċenz, imfassal madwar il-kunċett ta’ Intermediate Care.

Se nniedu wkoll il-Masterplan tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u jittellaq proċess biex dak il-Masterplan jitwettaq. Proġett li huwa ħolma għal pajjiżna.

L-2026 se tara wkoll aktar investiment fil-faċilitajiet sportivi fosthom it-tkomplija u l-eventwali tlestija tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far.

Daqstant ieħor se nimbuttaw dwar ir-reklamazzjoni tal-art biex proġetti suċċess bħal dak li qed jitwettaq bħalissa fil-Malta Freeport, ikollna iżjed minnhom u ta’ daqs saħansitra akbar.

Nassigurakom li jekk qabel tajna ħafna għal pajjiżna, issa se nkunu qed nagħtu ħafna iżjed.

Se nibqgħu deċiżivi kif dejjem konna, għall-ġid tal-familji Għawdxin u Maltin, fl-interess ta’ pajjiżna, l-ewwel u qabel kollox.

Hekk kif għadna kif għalaqna b’suċċess il-Presidenza tagħna tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, se nibqgħu dak il-pajjiż li jkun vuċi importanti fid-dinja favur il-paċi.

Fl-aħħar jiem, konna wieħed minn erba’ Stati Membri biss li filwaqt li konna favur illi l-Unjoni Ewropea tgħin lill-poplu Ukren, konna sodi li dan kellu jsir bi strument differenti minn dak li kien qed jiġi imbuttat ’il quddiem, biex ma jinħolqux tensjonijiet ġodda, jew li jingħalaq il-bieb tal-paċi darba għal dejjem. U wara negozjati fit-tul, wasalna għal dak il-ftehim li xtaqna aħna. Urejna kuraġġ u sens ta’ deċiżjoni tajjeb.

Tant eluf ta’ ħajjiet innoċenti ta’ ġenituri, nanniet, u tfal li ntilfu u għadhom qed jintilfu.

Aħna komplejna nagħtu l-għajnuna umanitarja u futur aqwa lit-tfal midruba, fosthom dawk Palestinjani. Tajnihom kenn ġewwa darna.

Waqt li madwarna għaddejjin il-gwerer u l-ġirja dwar aktar nefqa fl-armamenti, Malta baqgħet sovrana, tirrispetta l-Kostituzzjoni tagħha u komplejna ngħixu fil-paċi u l-progress soċjali.

Qatt ma għandna nieqfu naħdmu għall-paċi.

Il-paċi hija ċ-ċavetta tal-prosperità u rridu li l-familji tagħna jibqgħu jgawdu minnha.

Is-sena l-ġdida għandha tkun dik illi fiha nagħmlu l-qabża li jmiss.

Għalhekk irridu l-ideat ta’ kulħadd.

Biex inwettqu ħolm ġdid u nilħqu oġġettivi dejjem aktar ambizzjużi.

Persważ li dak huwa li tixtiequ intom għal pajjiżna, għal Malta tagħna.

Se naħdem b’ħilti u b’saħħti kollha sabiex l-aspirazzjonijiet tagħkom ikomplu jsiru realtà.

Flimkien se naslu.

F’ismi, f’isem marti Lydia, u bintna Giorgia-Mae nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom sena ta’ għaqda, saħħa u paċi.

Awguri.

FacebookTwitter