PR251915
27/10/2025
F’Malta se jkollna middle-class li mhux se jħallsu ċenteżmu f’taxxa
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, wara li ġie ppreżentat il-Budget 2026, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-familji b’miżura bla preċedent f’ġenerazzjoni, dik ta’ tax cut akbar għall-ġenituri ħaddiema. F’pajjiżna se jkollna middle class ta’ ġenituri ta’ żewġ ulied jew aktar li jaqilgħu sa €30,000 kull wieħed, li mhux se jibqgħu jħallsu taxxa minn tliet snin oħra ’l quddiem. Għalhekk din il-miżura fl-intir tagħha se twassal biex dawn il-ġenituri ma jħallsux taxxa għal kważi kwart ta’ seklu. Ġenituri ħaddiema b’wild wieħed ukoll se jgawdu minn tnaqqis qawwi fit-taxxa.
Dr Abela nnota kif filwaqt li ekonomiji f’pajjiżi oħra Ewropej qed jistaġnaw u l-Gvernijiet tagħhom qed jaħdmu bl-awsterità, il-Maltin u l-Għawdxin qed igawdu mill-aqwa Budget fl-istorja. “Budget li qed jagħtihom serħan il-moħħ li l-Gvern qiegħed hemm għalihom. Qiegħed hemm meta jibdew familja. Meta jkollhom l-ulied, kif ukoll meta jsiru anzjani. Għax b’familji b’saħħithom, ikollna ekonomija b’saħħitha”, saħaq il-Prim Ministru.
Qal li dawk l-aktar fil-bżonn se jkunu qed igawdu minn pakkett soċjali ta’ €120 miljun. Single parent b’żewġt itfal fuq il-paga minima bejn In-Work Benefit u żieda fiċ-Children’s Allowance se tara dħul tagħha jiżdied b’€650 oħra.
Il-pensjonanti Għawdxin u Maltin se jaraw il-ħdax-il żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, żieda li tammonta għad-doppju tal-għoli tal-ħajja. Dan filwaqt li qed jingħataw żidiet ogħla għar-romol u dawk imwielda qabel l-1962 se tkompli tissewwa inġustizzja li nħolqot fl-2006. Il-Prim Ministru għamel ukoll referenza għaż-żieda ta’ 15% fl-istipendji tal-istudenti kollha, flimkien maż-żieda fl-għotja lil studenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Budget qed ikompli jagħti spinta lin-negozji b’inċentivi ġenerużi imma ffukati. Huwa żied jgħid li pajjiżna qiegħed fl-għatba ta’ trasformazzjoni totali. Dan hekk kif fil-bidu tas-sena d-dieħla se tkun qed tiġi varata l-Viżjoni Malta 2050 b’miri ambizzjużi mmens. Fosthom li pajjiżna jiġi mal-aqwa fid-dinja fejn jidħol żvilupp uman, li l-livell tas-sodisfazzjon fil-ħajja u d-dħul għall-familji jkunu fost l-aħjar fl-Ewropa. Huwa saħaq li biex nagħmlu dan kollu għandna bżonn investimenti kbar, b’bidliet fil-mod kif jaħdmu n-negozji, f’dak li għandu x’jaqsam mat-teknoloġija, kif ukoll fil-ħiliet tal-ħaddiema. B’hekk il-Gvern qed jalloka fond ta’ €100 miljun għall-qalba diġitali u adozzjoni tal-AI għal kulħadd.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg innota li l-Budget 2026 qed jibni fuq il-kisbiet tal-Maltin u l-Għawdxin f’dawn l-aħħar snin sabiex l-istabbiltà ekonomika verament tissarraf f’ħajja aħjar, filwaqt li jidderieġi lill-pajjiż lejn iżjed reżiljenża u sostenibbiltà fis-snin li ġejjin. “Il-poplu tagħna dejjem kien kapaċi jistinka biex għelibna l-isfidi u wasalna fejn xtaqna. Is-suċċess ekonomiku ta’ dawn l-aħħar snin qatt ma rajna bħalu, suċċess li ksibna għax ħdimna flimkien, bħala pajjiż. Iżda l-isfidi li dan iġib miegħu f’diversi komunitajiet, u sfidi oħrajn globali li qed jolqtu lil pajjiżna, jeħtieġu impenn mill-aktar b’saħħtu wkoll. B’dan il-Budget, il-Gvern qed joffri l-għodda biex inkomplu niġbdu ħabel wieħed, biex inkomplu naħdmu flimkien għal futur aħjar għall-familji u l-komunitajiet f’pajjiżna,” stqarr id-Deputat Prim Ministru.
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li f’dan il-Budget il-Gvern reġa’ wera kemm dan huwa Gvern li jagħti garanzija lill-poplu. “Bħalma ma bżajniex nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa quddiem l-isfidi l-kbar li ġew fl-aħħar snin, illum komplejna nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi biex naħsbu fil-futur. Budget b’miżuri studjati u responsabbli, li jinfluwenza l-futur tas-soċjetà Maltija u Għawdxin għall-aħjar”, saħaq il-Ministru Caruana.





