Il-Prim Ministru Robert Abela jżur il-faċilità ta’ RotorTechnics f’Ħal Safi

PR251547

11/09/2025

Kumpanija Maltija b’investiment fil-qasam tat-tiswija tal-ħelikopters u pjanijiet għal akkademja f’dan il-qasam

RotorTechnics, kumpanija Maltija tal-avjazzjoni li topera minn Ħal Safi, qed tinvesti ’l fuq minn €1.5 miljun f’tagħmir ġdid, għodda u l-iżvilupp tal-ħaddiema tagħha.

Fi żjara fil-hangar tagħhom f’Ħal Safi, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lil Gulf Med Aviation Services għal dan it-tragward importanti hekk kif il-kumpanija issa qed tassumi identità ġdida bħala RotorTechnics.

Il-kumpanija tħaddem madwar 70 persuna bejn inġiniera, tekniċi tal-avjazzjoni u taħlita ta’ rwoli oħra.

Din il-kumpanija qed tippreżenta lilha nnifisha bħala l-ewwel hub approvat mill-EASA, għall-manutenzjoni tal-ħelikopters f’Malta. Permezz ta’ dan it-tiġdid, din il-kumpanija għandha l-potenzjal li tiżviluppa faċilitajiet tagħha f’ċentru strateġiku għall-manutenzjoni, t-tiswija, u r-reviżjoni tal-inġenji bl-iskrejjen fil-Mediterran.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rringrazzja lil Malta Enterprise, Indis Malta u Transport Malta għall-għajnuna li qed jagħtu lil din l-industrija u ħeġġeġ biex din titkompla fiż-żmien li ġej. Laqa’ wkoll b’sodisfazzjon id-diskussjoni li għaddejja bejn il-kumpanija, u entitajiet pubbliċi, bħal Transport Malta u l-MCAST, biex titwaqqaf akkademja tal-manutenzjoni tal-ħelikopters f’Malta. Dan l-impenn għandu l-għan li jtella’ talent lokali f’dan il-qasam u jattira nies biex jieħdu l-istudji tagħhom fl-avjazzjoni hawn Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif dan l-impenn huwa konformi mal-isforzi tal-Gvern biex jipprijoritizza l-avjazzjoni: “Din hi industrija li għandha potenzjal li tikber aktar, hekk kif enfasizzat fil-Viżjoni Malta 2050. Pajjiżna huwa determinat li jkun aktar minn sempliċiment punt ta’ konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ fuq. Qed nibnu ekonomija li tiffoka fuq l-innovazzjoni, il-ħiliet, u l-kollaborazzjoni internazzjonali.”

Simon Camilleri, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija RotorTechnics, qal li: “L- istorja tal-grupp tagħna hija waħda li tidentifika l-bżonn li tevolvi l-ħin kollu biex inwasslu servizz ta’ eċċellenza. Hija storja ta’ għarfien espert lokali li jilħaq dak mistenni minn standards globali. Ta’ soluzzjonijiet li twieldu f’Malta, li jsolvu l-problemi madwar il-partijiet differenti tad-dinja.”

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri.

FacebookTwitter